Monday 10 October 2016

Il-POU GWU titlob rimedju lill-'Police Board' minħabba li l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija naqset li tinforma dwar it-tieni sejħa tal-'Grievances Unit'

Chairman tal-Police Board - L-Imħallef irtirat Dr Franco Depasquale


F’Mejju li għadda tħabbar li għaxar membri tal-Korp tal-Pulizija ngħataw promozzjoni wara li l-każ tagħhom instema’ quddiem il-grievances unit. Immedjatament wara li ngħataw dawn il-promozzjonijiet il-POU GWU kellha ammont konsiderevoli ta’ lmenti, minn diversi membri tal-Korp tal-Pulizija f’kull rank, li ma kinux innotifikati li kien hemm dan il-grievances unit appuntat. Għaldaqstant dawn ma setgħux iressqu l-każ tagħhom li allegatament sofrew xi inġustizzja jew diskriminazzjoni fil-grievances unit li kien imwaqqaf.

Fl-2014 il-gvern kien waqqaf il-grievances unit għall-ħaddiema kollha taċ-ċivil u fi Frar 2014 l-amministrazzjoni tal-Korp ħarġet ċirkulari sabiex tinforma lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li ġie mwaqqaf dan il-unit. F’Marzu 2014 ħarġet ċirkulari oħra fejn infurmat lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li ż-żmien sabiex kull membru jressaq il-każ tiegħu kien ġie estiż. Diversi membri tal-Korp qalulna li dawn iċ-ċirkularijiet ma jaslux fis-sezzjoni tagħhom jew meta jaslu, jaslu tard, xi ħaġa li hija magħrufa f’diversi postijiet tax-xogħol.

L-ilment li ħaddiema ma kinux notifikati bil-grievances unit ma kinitx biss fil-Korp tal-Pulizija, iżda kienet mifruxa ma’ diversi dipartimenti oħra fiċ-Ċivil. Fil-fatt f’Settembru 2014 permezz ta’ ċirkulari maħruġa mill-uffiċċju tal-Prim Ministru ħarġet ‘It-tieni sejħa għal talbiet biex jiġu mistħarrġa mill-Grievances Unit’. Din iċ-ċirkulari kien ħariġha s-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar u fl-aħħar kiteb ċar li ‘Huwa importanti illi din iċ-Ċirkulari tinġieb għall-attenzjoni tal-impjegati pubbliċi kollha.’

Minkejja l-importanza li ta s-Segretarju Permanenti Ewlieni sabiex din iċ-ċirkulari tinġieb għall-attenzjoni tal-impjegati kollha taċ-Ċivil, l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija naqset li tagħmel dan. Kawża ta’ dan in-nuqqas seħħet inġustizzja oħra fuq diversi membri tal-Korp li ma kellhomx l-opportunità li jressqu l-każ tagħhom quddiem il-grievances unit.

In-nuqqas tal-amministrazzjoni tal-Korp effettwa kull membru fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Għaldaqstant il-POU GWU għamlet laqgħa mal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali sabiex tispjega dan in-nuqqas u talbet li tingħata opportunità lil dawk kollha li setgħu kienu affettwati minn dan in-nuqqas sabiex iressqu l-każ tagħhom. Ma kien hemm ebda żvilupp pożittiv fil-kwistjoni u l-unjin talbet lill-Police Board sabiex jistħarreġ in-nuqqas tal-amministrazzjoni tal-Korp meta ma ħabbarx il-proċedura tal-grievances unit, kif ukoll jagħti r-rimedju li jidhirlu xieraq sabiex jissewwa dan l-iżball.

Il-POU GWU ippreżentat id-dokumenti kollha neċessarji sabiex tissostanzja dak li qed tgħid u se tkun għad-dispożizzjoni tal-bord biex tressaq l-argumenti tagħha. F’dan il-każ l-unjin ħasset li għandha tagħmel l-ilment tagħha kollettivament għax temmen li dan in-nuqqas seta’ effettwa lil kulħadd, indipendentement jekk persuna hux membru fi trejd unjin jew le. Meta kien twaqqaf il-grievances unit ma kinitx għadha għaddiet il-liġi li l-membri tal-Korp setgħu jidħlu fi trejd unjin tal-għażla tagħhom u għaldaqstant l-unjin ma kellhiex l-opportunità tkun hi wkoll li tinnotifika lill-membri tagħha.

Il-Police Board huwa magħmul minn ħames membri li ħadd minnhom mhu Pulizija u huwa mmexxi mill-Imħallef irtirat Dr Franco Depasquale. Il-POU GWU ġiet innotifikata mis-Segretarju tal-Police Board li l-ilment tagħha wasal u ser jiġi mistħarreġ fil-ġimgħat li ġejjin. 

 
 

No comments:

Post a Comment