Illum il-5 ta’ Ottubru huwa l-anniversarju tal-GWU, it-73 anniversarju mit-twaqqif tagħha fl-1943.
Tul l-istorja tagħha l-GWU kienet protagonista ewlenija fil-moviment 
trejdunjonistiku biex introduċiet kunċetti ġodda u tejbet 
il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Għal din l-okkażjoni saret ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri mal-mafkar tal-ħaddiem fl-Imsida.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, qal 
li llum iż-żminijiet qed jitolbu minnha li mill-ġdid inressqu proposti 
li jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u jnaqqsu r-riskju li 
ħafna familji jistgħu jispiċċaw f’riskju ta’ faqar.
Huwa qal li ghalhekk mill-ġdid, il-GWU ttenni li wasal iż-żmien li pajjiżna jistudja u jikkunsidra l-introduzzjoni tal-living wage,
 li kontinwament tkun aġġustata biex verament il-ħaddiema tagħna u 
l-familji tagħhom ikollhom l-opportunità li jghixu aħjar u jgawdu 
mill-benefiċċji li toffri s-soċjetà u l-ekonomija tas-Seklu 21, lil hinn
 mill-periklu li jispiċċaw fil-faqar.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li ''nemmnu li din il-proposta għandha ssib l-appoġġ tal-forzi soċjali kollha f’pajjiżna''.



No comments:
Post a Comment