Monday 3 October 2016

'Body-Cams' inaqqsu l-ilmenti kontra l-Pulizija




Studju li kien ikkummisjonat mill-Università ta’ Cambridge juri li body-cams fuq il-pulizija qed inaqqsu b’mod drammatiku l-għadd ta’ lmenti kontra uffiċċjali tal-Pulizija. 

Mill-istudju ħareġ b’mod ċar li l-ilmenti minn membri tal-pubbliku kontra uffiċċjali tal-Pulizija naqsu b’93% fuq perjodu ta’ 12-il xahar meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. 

Għal dan il-proġett kienu segwiti madwar 2,000 uffiċċjal tal-Pulizija minn erba’ forzi tas-sigurtà fir-Renju Unit u żewġ Dipartimenti tal-Pulizija tal-Istati Uniti. 

L-istudju kien intiż li jsir jaf jekk l-użu tal-body-cams, li jkunu mwaħħlin mal-parti ta’ fuq tal-uniformi, jaffettwawx l-ilmenti li jsiru mill-pubbliku kontra l-Pulizija.

Dr Barak Ariel mill-Istitut tal-Kriminoloġija f’Cambridge spjega li r-riżultati urew li kemm il-pulizija kif ukoll il-pubbliku kienu qed jirranġaw l-imġiba tagħhom. 

“Meta l-pubbliku jkun konxju li qed jiġu rrekordjati, bla dubju ta’ xejn ibiddlu l-imġiba tagħhom minħabba li ma jkunux iridu jidħlu fi problemi,” stqarr Dr Ariel. 

L-Assistent Kap Kuntistabbli Simon Megicks, mid-Distrett ta’ Hertfordshire u li kien involut f’dan l-istudju, irrimarka li kien hemm numru ta’ fatturi li wasslu għal dan it-tnaqqis fl-ilmenti.

Fost dawn kien hemm id-disponibbilità tal-filmati li jgħin b’mod partikolari lill-Pulizija f’każi relatati ma’ vjolenza domestika fejn ħafna drabi l-vittma jsibuha bi tqila biex jikkoperaw. 

Minbarra hekk, riċerka li saret f’Mejju li għadda wriet li r-rata ta’ attakki kontra uffiċjali tal-Pulizija fi tmien forzi tas-sigurtà kien 15% inqas meta l-body-cams ntużaw mill-Pulizija. 

Dwar dan l-istħarriġ ħadna l-kummenti tal-President tal-POU-GWU Sandro Camilleri. Huwa jisħaq li l-body-cams huma importanti ħafna għaż-żminijiet tal-lum. 

“Il-body-cam isservi ta’ deterrent għax tikxef jekk isirx xi att jew xi aggressjoni fuq il-Pulizija. Qed ikollna naslu għall-body-cams għax il-Pulizija mhijiex qed tiġi emmnuta u għax ġejna pupazzi,” sostna l-Preident tal-POU-GWU. 

Huwa enfasizza wkoll fuq il-bżonn ta’ body-cams għall-Pulizija f’postijiet ta’ divertiment fosthom f’Paceville.

Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
 https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1065289356920582/

No comments:

Post a Comment