Friday 26 May 2017

Il-Kummissarju Elettorali Church jilqa' t-talba tal-Kummissarju tal-Pulizija Cutajar dwar ħlas lill-fizzjali kollha nvoluti fl-Elezzjoni Ġenerali 2017


Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Kummissaru Elettorali Joseph Church


Minkejja li għadu mhux konkluz il-ftehim settorjali l-ġdid għall-membri tal-Korp tal-Pulizija li qed jiġi negozjat bħalissa bejn l-unjins (POU-GWU u l-MPA) u l-gvern, il-Kummissarju s-sur Lawrence Cutajar għamel talba sabiex il-Kummissjoni elettorali tħallas lill-fizzjali tal-Korp tal-Pulizija kollha li jkunu qed jaqdu d-doveri tagħhom relatati mal-elezzjoni ġenerali bir-rata tal-extra duty. Filwaqt li l-membri tal-Korp kollha taħt ir-rank ta' Surġent Maġġur dejjem jitħallsu bir-rata ta' 1.5 tal-paga bażika wara li jaqbżu 46 siegħa, il-fizzjali mir-rank ta' Spettur 'il fuq ma jitħallsu ebda ħlas addizzjonali minkejja l-jaqbżu l-istess 46 siegħa. Sfortunatament ir-ranks imsemmija l-aħħar ma jitħallsux minħabba 'ftehim settorjali' li l-gvern kien iffirma waħdu fis-2012.

Il-Kummissarju Cutajar huwa konxju mill-proposti li ż-żewġ unjins preżentaw lill-gvern sabiex jiġi negozjat ftehim settorjali ġdid. Fost diversi proposti preżentati hemm dik li l-uffiċjali li huma non-overtime grades jiġu kumpensati bi ħlas addizzjoni f'okkazzjonijiet nazzjonali, inkluż elezzjoni ġenerali. Sa ftit snin ilu minkejja li kien ikun hemm terzi li lesti jħallsu lill-membri tal-Korp kollha (inkluz il-fizzjali) għas-servizz li jagħtu, mhux l-ewwel darba li l-amministrazzjoni tal-Korp ma kenitx taċċetta tali ħlasijiet għall-fizzjali. Sfortunatament kien hemm min hu tal-fehma li jekk isir tali ħlas din issir prassi.

Kemm ilu fit-tmexxija tal-Korp il-Kummissarju Cutajar l-mentalità hija kompletament differenti u kien hemm diversi okkazzjonijiet fejn kien hu personali li jieħu l-inizjattivà sabiex il-membri tal-Korp igawdu minn kundizzjonijiet aħjar. Qabel is-sena 2014 il-fizzjali qatt ma ħadu xi forma ta' ħlas addizzjonali għal xogħol żejjed li kienu jagħmlu fuq il-ħinijiet normali tagħhom. Kien biss fl-2014 li l-fizzjali għall-ewwel darba ħadu ħlas addizzjonali bir-rata tal-extra duty, dan meta kienu għamlu xogħol relatat mal-elezzjoni tal-parlament Ewropej. Sfortunatament fis-sena 2015 minkejja li t-task force tac-CHOGM kienet lesta tħallas bir-rata tal-extra lill-fizzjali li ħadmu fic-CHOGM, l-amministrazzjoni tal-Korp ta' dakinhar m'għamlitx talba kif għamel illum il-Kummissarju Cutajar bil-konsegwenza bil-konsegwenza li l-fizzjali baqgħu mingħajr ħlas tax-xogħol żejjed li ħadmu.

Minn hawn il-POU-GWU tixtieq tirringrazzja lill-Kummissarju tal-Pulizija s-sur Lawrence Cutajar għat-talba li għamel, kif ukoll nirringrazzjaw lill-Kummissarju Elettorali s-sur Joseph Church talli aċċetta tali talba. Filwaqt li bħala unjin mhux dejjem qbilna mal-amministrazzjoni tal-Korp, nirrikonoxxu l-fatt li l-Kummissarju Cutajar jimpenja ruħu b'mod attiv sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-Pulizija kontinwament mingħajr ebda diskriminazzjoni.


Dawn huma r-rati tal-extra duty li ser jitħallsu bihom il-fizzjali minn Spettur 'il fuq. L-uffiċjali l-oħrajn ser jitħallsu bir-rata ta' 1.5 skont il-paga bażika tal-iskala rispettiva.

No comments:

Post a Comment