Friday 2 June 2017

Appell lill-pubbliku biex jikkopera mal-Pulizija - STQARRIJIET IMPORTANTI MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI



 
STQARRIJIET IMPORTANTI MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI: Elezzjoni Ġenerali – 3 ta’ Ġunju, 2017:

Ċertifikati għal min ma jkunx jista’ joqgħod fil-queue

1.         Il-Kummissjoni Elettorali tgħarraf illi fil-ġurnata tal-votazzjoni, persuni li għalqu l-75 sena u dawk li jinġiebu fuq stretchers jew mill-isptarijiet u djar tal-anzjani, għandhom jitħallew jaqbżu l-queue f’kull ħin tal-votazzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ ċertifikat tat-tabib. 

2.         Persuni ta’ età  bejn is-60 u l-75 sena, jitħallew jaqbżu l-queue bejn is-1.00 pm u l-5.00 pm. 

3.         Dawk il-persuni l-oħra li jkunu morda u ma jistgħux jistennew fil-queue irid ikollhom ċertifikat tat-tabib biex jitħallew jaqbżu l-queue u dan wara s-1.00 pm.  Dawk il-persuni li jippreżentaw il-Karta tal-Identità Speċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità jingħataw l-istess faċilità mingħajr ħtieġa ta’ ċertifikat mediku. 

4.         Il-Kummissjoni Elettorali tirċievi applikazzjonijiet mingħand dawk it-tobba li mhumiex kandidati għall-Elezzjonijiet għall-għoti ta’ formoli uffiċjali li jservu bħala ċertifikat mediku għal persuni morda biex jitħallew jaqbżu l-queue waqt il-votazzjoni fil-ħin imsemmi aktar qabel. 

Kull tabib li japplika jingħata ammont ta’ formoli li fuqhom jinkiteb iċ-ċertifikat u dan l-ammont ta’ formoli jista’ jiżdied skont il-ħtieġa.

Votazzjoni

Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar lill-pubbliku li l-ħinijiet tal-votazzjoni nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju 2017, se jkunu bejn is-7.00am u l-10.00pm bla waqfien. Kulħadd għandu jara li jmur fl-indirizz tal-post tal-votazzjoni li hemm miktub fuq id-dokument tal-vot tiegħu.

Fil-kamra tal-votazzjoni jiddaħħlu għaxar votanti li m’għandhomx bzonn għajnuna għal kull votant li jkollu bżonn l-għajnuna tal-assistenti kummissjonarji elettorali biex jivvota.

Il-Kummissjoni Elettorali tgħarraf ukoll li kull persuna li tostakola jew iżżomm l-aċċess ħieles ta’ votant milli jivvota tkun ħati ta’ reat skont il-liġi.​

Votanti li se jsiefru fil-jum tal-votazzjoni

Il-Kummissjoni Elettorali tavża li nhar jum il-votazzjoni, is-Sibt, 3 ta’ Ġunju, 2017, ser tingħata l-faċilità lill-votanti li jkunu ser isiefru f’dan il-jum stess biex jaqbżu l-kju.  Dawn il-persuni għandhom jieħdu magħhom prova dokumentata tas-safar u juruha lill-pulizija inkarigat fiċ-ċentru tal-votazzjoni. 

Projbizzjoni fuq l-użu ta’ apparat tal-video/audio

Il-Kummissjoni Elettorali tavża li l-użu ta’ mobile phones, cameras, jew apparat tal-fotografija huwa projbit fil-postijiet tal-votazzjoni.  Min jinqabad jieħu ritratt/video ikollu l-apparat elevat. 

No comments:

Post a Comment