Thursday 18 May 2017

Arroganza fil-konfront tal-Pulizija minn xi aġenti taż-żewġ partit politiċi ewlenin waqt it-tqassim ta' voti. Talba għall-informazzjoni - POU-GWU

 


Qed nirċievu ammont konsiderevoli ta' lmenti minn Pulizija li qed iqassmu l-voti dwar kif qed jiġu trattati minn xi aġenti taż-żewġ partiti ewlenin, ċioè aġenti mill-Partit Laburista u mill-Partit Nazzjonalista. Minkejja li l-maġġornaza assoluta tal-aġenti tal-partiti jikkoperaw u jimxu id f'id mal-membri tal-Korp waqt it-tqassim tal-voti, jidher li hemm elementi fiż-żewġ partiti ewlenin li jipprovaw isibu x-xagħra fl-għaġina biex jaqilgħu kwistjoni mal-Pulizija u bi ksuħat jirrapportaw lill-Pulizija konċernati.

Żewġ każijiet partikolari ġraw fil-lokalita' tar-Rabat (Malta) minn aġent tal-Partit Laburista fejn il-Pulizija inkwistjoni kienet qasmet madwar 94% tal-voti assenjati lilha u fil-lokalità ta' Tas-Sliema minn aġent tal-Partit Nazzjonalista fejn il-Pulizija konċernat kien diġà qassam madwar 80% tal-voti assenjati lilu. Minkejja li dawn iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija kienu effiċjenti ħafna fit-tqassim tal-voti, l-aġenti taż-żewġ partiti xorta waħda ħassew li kellhom jirrappurtaw fuq affarijiet frivoli u fil-fatt iż-żewġ uffiċjali ma baqgħux iqassmu l-voti wara tali rapport lill-kummissjoni elettorali.

Fiż-żewġ okkażjonijiet imsemmija, il-membri tal-Korp inkwistjoni ġew intimidati billi ntqal lilhom kliem dispreġġattiv mill-aġenti rispettivi. Din l-attitudni fil-konfront tal-uffiċjali tal-Pulizija mhux tollerata u jekk hemm bżonn inxandru l-ismijiet tal-aġenti tal-partiti pubblikament.

Il-POU-GWU qed tappella lill-membri tal-Korp membri fi ħdanha li qed jgħaddu minn xi atteġjament simili sabiex jgħaddulna d-dettalji tal-aġenti tal-partit rispettivi. Malli jkollna d-dettalji tal-persuni konċernati nkunu nistgħu nieħdu l-azzjonijiet neċessarji skont il-każ.

Nitolbukom tibgħatulna d-dettalji hawn taħt indikati fuq pougwu@gmail.com

DETTALJI NEĊESSARJI:
Numru tar-rank, isem u kunjom tal-uffiċjal tal-Pulizija 
Numru tal-mobile tal-uffiċjal tal-Pulizija konċernat
Il-lokalità fejn l-uffiċjal tal-Pulizija qed iqassam jew kien qed iqassam il-voti
Id-dettalji tal-aġent tal-partit rispettiv li kien oppressiv lejn l-uffiċjal tal-Pulizija

Grazzi tal-koperazzjoni tagħkom.

No comments:

Post a Comment