Sunday 29 January 2017

Mal-200 trejdunjonist se jkunu f'Malta f'Marzu

 
Żball jekk ma titrattax il-materja li l-Ewropa tkun viċin in-nies - Kevin Camilleri, Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU
Għal jumejn sħaħ f'nofs Marzu xejn inqas minn 200 trejdunjonist minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u oħrajn mhumiex membri se jkunu qed jiltaqgħu f'Malta għall-konferenza tal-Konfederazzjoni tal-Unions Ewropej (ETUC).  inewsmalta.com tkellmet mad-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri u mas-Segretarju Internazzjonali tal-GWU, Jason Deguara, dwar dak li se jkun diskuss u l-preparamenti tal-loġistika. Kevin Camilleri fil-kumment tiegħu jisħaq li jkun żball jekk ma tiġix trattata it-tema li l-Ewropa tkun viċin in-nies.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri qalilna li "t-tema tal-konferenza hi propju l-futur tal-Ewropa.  Kif l-affarijiet qed jinbidlu.  Kellna l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti fejn kontra kull xejra Donald Trump issa hu l-President. Diġa tkellem dwar il-fruntiera mal-Messiku, li kif kumpaniji għandhom jirritornaw lura lejn l-Istati Uniti  u l-politika ta' fruntieri li żgur se jkollha impatt fuq l-Ewropa.  Hemm ukoll it-Trattat tat-TTIP li għalkemm bħala unions għandha bosta riservi fuqu u wara Obama, ma nafux x'se jkun l-eżitu issa li  hemm Donald Trump.  Hemm il-kwistjoni ta' Brexit li mhux biss se jkun diskuss il-ħruġ tar-Renju Unit imma anke kif se jiġi nnegozjat pakkett mal-Ingliżi għax ma tridx tagħmel pakkett li jkun attrajenti li jġiegħlek toħroġ mill-Unjoni Ewropea imma fl-istess ħin tibqa' viċin mal-Gran Brittanja.   Hemm il-kwistjoni Le Pen fejn dawn il-popolarita tagħhom qed tikber u issa qed jidher ix-xenarju politiku fl-ambitu Ewropew u kif qed jinbidel.  Din il-konferenza ġiet f'ħin fejn żgur li se nkunu qed nitkellmu fuq il-pilastru għad-drittijiet soċjali".

Kevin Camilleri qalilna li 'dejjem konna adamanti fejn jidħlu drittijiet soċjali.  Dawn m'għandhomx ikunu  biss diċenti imma tajba għaċ-ċittadini Ewropej u dawk Maltin.  Jekk wieħed janalizza l-proposti tagħna fil-baġit jara li dawn huma msejsin biex itejbu l-livell ta' għixien għall-ħaddiema Maltin u Għawdxijn u l-pensjonanti. Tiżbalja l-Ewropa u tiżbalja din il-konferenza jekk ma titrattax din il-materja. Hemm bżonn li l-Ewropa tkun aktar viċin iċ-ċittadin għax fl-aħaħa mill-aħħar huma n-nies li jeleġġu u li jħossu it-tajjeb u l-ħażin ta' dak li tkun qed titratta u toffri l-Ewropa. Hu importanti li nitrattaw dawn il-kwistjonijiet għax jagħmel sens bl-affarijiet li qed jiġru madwarna"

Tenna li "se tinħareġ il-policy paper bit-tema tal-futur tal-Ewropa. Din se tkun konferenza li se ssir għall-ewwel darba u aħna kburin li ħadna din l-inizjattiva. Se tkun konferenza li l-ħaddiem, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pilastru għad-drittijiet soċjali se jkun il-qofol tagħha. Dan hu l-aħjar żmien minħabba  l-Presidenza biex il-policies u l-issues tagħna nressquhom lill-Gvern biex jaġixxi fuqhom", temm jgħid Kevinm Camilleri. 

Se jkun hawn mal-200 delegat - Jason Deguara, Segretarju Internazzjonali
Minn naħa tiegħu is-Segretarju Internazzjonali, Jason Deguara fil-kumment lil inewsmalta.com qalilna li "din kienet ħolma tas-Segretarju Ġeneali Josef Bugeja. Ftit xhur ilu kien qasam ħsieb miegħi dwar il-possibilità li nieħdu ħsieb din il-preparazzjoni. Se nilqgħu madwar 200 delegat mill-Unjoni Ewropea u anke barra mill-Unjoni Ewropea. Wara li ddiskutejna, Josef Bugeja tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-ETUC  u dan ħa gost ħafna. Issa nħarġet il-konferma mill-ETUC  li l-konferenza se ssir f'Malta. Hemm ħafna xogħol ta' loġistika x'isir. Qed nitkellmu fuq lukandi fejn se joqogħdu, fejn se jsiru l-konferenzi, diskussjonijiet twal mal-uffiċċju tal-Presidenta li qed tieħu ħsieb fejn hemm diskussjonijiet fuq diversi oqsma li se jgħinuna fihom. Organizzajna kumitat ad hoc fil-GWU biex nieħdu ħsieb il-preparamenti. Din hi konferenza li se ssir għall-ewwel darba", qalilna Jason Deguara.

Ta' min jgħid li f'kumment li s-Segretarju Ġenerali Josef Buġeja lil inewsmalta.com l-ġimgħa li għaddiet qalilna li 'il-miżuri li joħolqu bilanċ bejn il-familja u x-xogħol, hi politika li se tkun diskussa wkoll matul il-konferenza." Bugeja stqarr li din il-politika hija waħda kruċjali biex it-tkabbir ekonomiku jibqa' għaddej bir-ritmu li qabad. "Irridu noħolqu strutturi atipiċi biex dawk in-nies li jixtiequ jaħdmu imma ma jistgħux minħabba numru ta' raġunijiet inkunu nistgħu nakkomodawhom u ngħinhom joħorġu fid-dinja tax-xogħol." 

F'kumment li l-ETUC tat lil din il-gazzetta hi qalet li l-Presidenza Maltija għandha rwol importanti biex ikunu mressqa punti vitali u importanti għall-ħaddiema Ewropej. Fost dawn il-punti, l-ETUC semmiet il-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali, miżuri ġodda għall-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol u protezzjoni għal dawk il-ħaddiema li jagħmlu użu minn materjali li jarmu sustanzi li jikkawżaw il-kanċer.

Intervista Kevin Camilleri
https://www.youtube.com/watch?v=rGPQpCedV-I

Intervista Jason Deguara
https://www.youtube.com/watch?v=nszaqjGPyuU 

No comments:

Post a Comment