Wednesday 4 January 2017

Grazzi tal-kundanna u Solidarjetà, iżda mhux biżżejjed.


Illum wara nofs fuq l-istazjon ONE radio Dr Stefan Zrinzo Azzopardi kien qed jintervista lill-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali l-Onorevoli Carmelo Abela. Fost diversi suġġetti ssemma l-każ fejn il-bieraħ Pulizija li kien off duty interjvena għax kien qed isir reat u safa' aggredit serjament. Iż-żewġ kelliema kkundannaw l-aggressjoni u wrew solidarjetà mal-Pulizija involut fil-każ, iżda dan mhux biżżejjed.

Filwaqt li l-POU-GWU tapprezza din il-kundanna, is-solidarjetà u diversi kliem ta' tifħir, tixtieq tfakkar li l-unjin ilha tisħaqq li għandu jkun hemm TOLLERANZA ŻERO għal kull min jattakka membri tal-Korp tal-Pulizija waqt li jkunu qed jaqdu dmirhom. Il-pieni għal dawn ir-reati għandhom ikunu priġunerija tassattiva sabiex jingħata messaġġ ċar. 

L-unjin tixtieq tfakkar ukoll li minkejja li ser nidħlu fir-raba' sena tal-leġiżlatura u l-gvern preżenti kien wiegħed li ser jevalwa l-possibilità ta' polza tal-assigurazzjoni għall-membri tal-Korp din għadha ma waslitx. Każ bħalma seħħ fuq il-Kuntistabbli Christian Agius jista' jkun li jdaħħlu f'diversi spejjeż li jkollu jagħmel tajjeb għalihom hu personali.

No comments:

Post a Comment