F’dinja
 tax-xogħol li kontinwament qed tinbidel, jinħtieġ li jinstab bilanċ 
bejn dak li hu mistenni mill-ħaddiema u dawk li huma l-aspirazzjonijiet 
tal-istess ħaddiema. Illum mhuwiex biżżejjed li tgħid li ksibt 
kundizzjonijiet tajba fuq il-postijiet tax-xogħol, iżda sar ferm aktar 
importanti li tara li l-kundizzjonijiet tax-xogħol iwasslu 
għall-impjiegi ta’ kwalità. “Nemmen li l-missjoni tiegħi hija li nara li
 fis-soċjetà tagħna, f’dinja li hija maħkuma mill-kilba għall-akkumulu 
ta’ kapital, il-ħaddiema jkollhom impjiegi ta’ kwalità li li jgħinuhom 
jgħixu b’mod ġust u dinjituż. Ix-xogħol għandu jgħin lill-ħaddiem biex 
jgħix, u mhux bil-kontra fejn il-ħaddiem jgħix biex jaħdem.” Din hija 
l-fehma ta’ Josef Bugeja li sa minn Ottubru 2015 qed jokkupa l-kariga 
ta’ Segretarju Ġenerali tal-akbar għada tal-ħaddiema f’Malta, il-General
 Workers’ Union.
Imwieled fl-1968, Bugeja daħal fid-dinja tax-xogħol bħala 
‘machine setter’ mal-kumpanija SGS illum magħrufa bħala ST 
Microelectronics qabel ma beda jaħdem bħala pustier fejn minn hemm laħaq
 ‘counter administrator’. Huwa mill-ewwel impjieg kien membru fi ħdan 
il-General Workers’ Union iżda wara li beda jaħdem mal-Maltapost li huwa
 beda l-karriera trejdunjonistika tiegħu, fejn matul is-snin baqa’ tiela
 l-iskaluni tat-tmexxija bħala Junior Secretary, Segretarju ta’ Taqsima,
 Deputat Segretarju Ġenerali u Segretarju Ġenerali Designate qabel ma’ 
fit-8 ta’ Ottubru 2015 kien maħtur fl-ogħla kariga ta’ Segretarju 
Ġenerali.
Bugeja beda biex qalilna li minkejja li f’dawn il-15-il 
sena tela’ minn kariga għal oħra fi ħdan l-Union iħoss li fil-fond ta’ 
qalbu huwa għadu ‘shop steward’. Jgħid li “l-iktar mument li nieħu 
pjaċir huwa meta niltaqa’ mal-ħaddiema. Il-kuntatt mal-ħaddiema ma 
nibdlu ma’ xejn”.
Bugeja qalilna li l-fatt li titla’ skaluna skaluna tagħtik 
ċertu vantaġġi għax tkun taf x’qed iħossu l-ħaddiema u tisa’ turi 
empatija magħhom għal dak li jkunu għaddejjin minnu.
Mistoqsi jekk il-ħaddiem – fiż-żminijiet tal-lum – 
japprezzax li l-Union tkun ippruvat issolvilu l-problemi li jkun qed 
jiffaċċja anke jekk mhux neċessarjament se jirnexxilha, huwa jwieġeb li 
jekk jiġi ħaddiem jew grupp ta’ ħaddiema fuqu se jagħmel dak kollu 
possibbli biex il-problema jsolviha imma jekk ikun hemm ċirkostanzi fejn
 ma jkunx jista’ jirranġaha jgħidilhom il-verita u għala ma jistax 
jasal: “Anke jekk f’dak il-mument jeħduha kontrik ... anke jekk jaqilbu u
 jitilqu mill-Union... anke jekk ma naqblux, jien tal-inqas ikun konvint
 li tajt dak kollu possibbli biex l-aspirazzjonijiet tagħhom nilħaqhom. 
Żgur mhux se ngħaddi mit-triq b’rasi baxxuta għax nistħi għax inkun naf 
li inqasthom b’xi mod. Nemmen li wara li tgħaddi r-rabja tal-bidu, 
il-ħaddiema japprezzaw li kont onest u sinċier magħhom.”
“Trejdunjonista jeħtieġ li l-membri jkollhom fiduċja 
fit-tmexxija tiegħu u fl-organazzizjoni li jirrapreżenta. Jien irrid li 
l-membri tagħna jemmnu fl-għaqda, fis-soliderjetà u fil-prinċipji li 
tħaddan il-GWU.” Bugeja jħoss li t-talbiet tal-ħaddiema huma ġustifikati
 għax huma mibnija fuq l-għerf u l-abilità li jkunu kisbu matul is-snin.
 Il-ħaddiem investa fil-ħiliet tiegħu u bir-raġun kollu jipprova jġib 
l-aqwa kisbiet fuq dak l-investiment: “Ma naf bl-ebda imprenditur li ma 
jipprovax ikabbar l-profiti tiegħu minn fuq dak li  jkun investa.” Ilum 
il-ħaddiema qed jistudjaw u jitħarrġu iżjed biex mhux biss jidħlu 
f’impjieg u jibqgħu hemm imma jagħmlu suċċess fil-ħajja tagħhom u jilħqu
 l-massimu tal-potenzjal.
Huwa stqar li bħalissa flimkien mal-kumplament tat-tmexxija tal-GWU qed jieħdu kont tas-sitwazzjoni.
“Dan qed nagħmluh biex it-tibdil li jeħtieġ isir ikun 
maħsub u marbul f’kull livel u minn kull angolu. Hemm tibdil li qed 
issir fl-immedjat u ieħor li se jkun aktar fit-tul biex il-membri tagħna
 jkollhom l-aqwa u l-aħjar servizz possibbli. “Irrid nassigura li l-GWU 
tkompli tikber. Mhux biss fin-numru imma fl-ideat tagħha, fil-politika 
tagħha u għalhekk irridu li ntejjbu s-servizzi eżistenti u nagħtu l-aqwa
 servizz biex nattiraw membri ġodda f’oqsma ġodda tal-ekonomija.
Fil-fatt Bugeja nsista li wieħed mill-punti li jħambaq 
fuqhom huwa li l-ħaddiema jridu jitħarrġu għax dak li jitgħallmu ma 
jista’ jeħodulhom ħadd. Bit-taħriġ tikseb kompetenzi u ħiliet ġodda li 
jiftuħel il-bibien għal opportunitajiet diversi.
Relevanza trejdunjonistika
“Jekk nibqgħu noffru l-istess servizi li l-GWU kienet 
toffri meta twieldet fl-1943 ma nibqgħux relevanti. Illum irridu naħdmu 
biex noħolqu bilanċ bejn il-ħajja tal-individwu u d-dinja tax-xogħol. Ma
 rridx li l-ħaddiema jsiru skjavi tax-xogħol. Irrid li jaħdmu biex 
jgħixu mhux jgħixu għax-xogħol. Dak huwa r-relevanza tat-trejdunjins”.
Jisħaq li r-rilevanza tal-Union hija fuq żewġ livelli. Fuq 
livell azjendali u industrijali l-Union tibqa’ rilevanti sakemm tibqa’ 
tinbidel skont iċ-ċirkostanzi tal-ekonomija u tas-suq tax-xogħol; u 
toffri s-servizz li l-membri tagħħa għandhom bżonn u jistennew li 
jingħataw.
Fuq livel soċjali, Bugeja jgħid li r-relevanza tal-Union 
hija riflessa fil-proposti għall-baġit li jolqtu interessi wiesa’ 
fis-soċjetà. Partikolarment dik fejn il-GWU qed tissuġġerixxi li min 
ikun qed ibati bil-kanċer jingħata ‘medical leave’ apparti l-leave u 
s-‘sick leave’ kif ukoll jekk ikollha pagamenti fuq id-dar dawn jiġu 
iffriżati biex jingħataw ċans fil-ħlas.
“Dak li nixtieq nara fil-GWU ... li tkun dar tal-ħsieb u 
dar tad-diskussjoni. Biex noħorġu l-aħjar proposti ħalli s-soċjeta timxi
 ‘l qudiem. U qed jirnexxielna nagħmlu dan għax hawn involviment qawwi. 
Lill-membri tagħna qed nuruhom kif jistgħu jsiru ċertu proposti u jekk 
oħrajn ma jistgħux għaliex”.
Kemm il-Union hija relevanti fid-dinja tal-lum jidher ċar 
ukoll mill-investiment li tħabbru f’postijiet tax-xogħol bħal Playmobil,
 il-Hilton, l-Enemed u Farsons fejn Bugeja jgħid li l-GWU kienet 
involuta fihom lkoll bħala imsieħba soċjali. “Dan kollu juri biċ-ċar 
ir-relevanza tal-GWU fil-postijiet ta’ xogħol bħala sieħeb 
kollaborativ.” Huwa jgħid li f’dawn il-postijiet il-management imexxi 
l-azjenda imma l-GWU tagħti vuċi lill-ħaddiema dwar id-deċiżjonijiet li 
jkunu qed jitieħhdu u fuq kollox jaffitwawhom b’mod dirett.
Bugeja semmielna li minbarra laqgħat fi ħdan l-MCESD u ma’ 
korpi kostitwiti, il-GWU bdiet tiltaqa’ wkoll ma’ għaqdiet volontarji 
biex tisma’ mingħandhom l-ideat u suġġerimenti ħalli flimkien nibnu 
soċjetà aħjar mibnija fuq is-soliderjetà soċjali. Fil-fatt il-proposti 
tagħha għall-Baġit 2017 il-GWU ħarġet bi proposti mhux iffokati biss fuq
 id-dinja tax-xogħol imma fuq is-soċjetà ġenerali.
“Jekk tara l-proposti li għamilna għall-baġit li ġej tara 
li dawn huma immirati għal faxex ta’ nies differenti li ħassejna li 
waqgħu lura. Qed ngħidu lill-Gvern li veru li Malta qed tagħmel suċċess 
imma rridu nindriizzaw dawn il-faxex ta’ nies biex jgħixu aħjar”.
Fost il-proposti li ippreżentat fil-baġit li jmiss hemm 
dawk dwar ix-xogħol prekarju fejn il-GWU qed tisħaq li m’għandux ikun 
hemm sitwazzjoni fejn ħaddiema impjegati ma’ kuntrattur jew aġenzija ta’
 xogħol temporanju jkunu mħallsa inqas u jkollhom kundizzjonijiet 
inferjuri mill-ħaddiema li jkunu impjegati direttament mal-kumpanija 
għall-xogħol tal-istess valur. Din il-proposta għandha tiżgura li 
filwaqt li jitħaddem il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ta’ valur 
ugwali, ikun attakkat il-prekarjat.
“Fis-soċjetà tagħna tal-lum ma jistax ikollna lil kulħadd 
miexi ‘l quddiem u mbagħad ikollna grupp ta’ nies li jibqgħu lura. Dik 
ma nħossnix komdu biha jien. Biex inħossni komdu rrid nara li kulħadd 
jimxi ‘l quddiem u jilħaq il-massimu tal-potenzjal tiegħu”, qalilna 
s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
L-individwaliżmu
Mistoqsi dwar il-fatt li llum qed jiżdiedu l-kuntratti 
individwali u jekk dan qed inaqqas l-importanza tat-trejdunjins, Bugeja 
jgħid li din hija sfida li jeħtieġ tinbidel f’opportunità. L-individwu 
ma jistax jikkompeti mal-kapital u jista’ jikkompeti biss jekk hemm 
il-kollettiv.
Huwa qal li l-unjins huma relevanti għax jwasslu l-aġenda 
tal-ħaddiema ’l quddiem kemm fuq il-post tax-xogħol, kemm fuq livell 
nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU semma kif minn stħarriġ li 
sar fost 1,200 ħaddiem ħareġ li waħda mir-raġunijiet għala daħlu 
fil-Union kienet biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni fuq il-post 
tax-xogħol.
Huwa jsostni li kien hemm diversi postijiet tax-xogħol fejn
 kien hemm ħafna kuntratti individwali u l-ħaddiema iddeċidew li jidħlu 
fil-Union wara li bdew jaraw ċertu ħaddiema jimxu ‘l quddiem u huma 
baqgħu lura. Kien wara li saru membri u sar ftehim kollettiv li ġew 
ugwali.
“Iktar ma jgħaddi żmien ħafna ħaddiema qed jindunaw li 
l-forza tagħhom hija fil-kollettiv u mhux fl-individwaliżmu. 
Bl-individwaliżmu minn 10 jimxi wieħed ‘il quddiem imma ma jimxux 
kollha”.
Perċezzjonijiet
Mistoqsi dwar il-perċezzjoni li l-GWU hija qrib tal-Partit 
Laburista aktar mill-Partit Nazzjonalista, Bugeja jagħmilha ċara li 
filwaqt li hemm konverġenza ta’ ideat, hsieb u valuri, il-GWU hija 
kompletament distinta mill-Partit Laburista. Dawn il-konverġenzi 
tal-ideat, ħsieb u valuri li jwasslu biex il-GWU u l-Partit Laburista 
jkunu qrib.
“Kelli diversi okkażjonijiet matul is-snin li għamilt 
sergretarju fejn il-proposti li ressaqt ġew skartati mhux għax kienu 
ħżiena iżda għax kienu ġejjin mill-GWU. Bħala Union mhux biss importanti
 li titkellem imma huwa wkoll importanti li ssib min jismaha. Matul 
il-karriera trejdunjonistika tiegħi ffaċċjajt segretarji permanenti 
fil-Ministeri li meta talbhom laqgħat qaluli li kienu se jikkunsidrawha 
imma baqgħu qatt ma aċċettaw. Oħrajn qalu ċar u tond li mal-GWU jimponu u
 ma’ unjin oħra jiddiskutu. Jien dejjem ridt li ningħata l-istess 
opportunità li kien jingħata ħadd ieħor. Ftit kienu dawk l-verament 
semgħu u ddiskutew b’mod ġenwin biex tinstab soluzzjoni.”
Jistqarr li dan l-atteġġament ostili wassal biex il-GWU 
tieħu pożizzjonijiet drastiċi li għal ħafna kienu perċepiti bħala mossi 
politiċi minħabba li fil-gvern kien hemm il-Partit Nazzjonalista.
Illum id-differenza hija li għandna gvern li verament 
jisma’ l-ideat u il-proposti tal-GWU. Kien hemm proposti li ġew 
aċċettati u oħrajn li le. Imma għall-inqas naf li mhux niġi politikament
 diskriminat. Hemm kollaborazzjoni fuq kull livell bil-għan li kulħadd 
jimxi ’l quddiem. Ċert li mhux se naqblu f’kollox imma żgur ukoll li 
hemm qbil li noħolqu soċjetà ġusta mibnija fuq il-ġustizzja soċjali.
U minħabba dik id-diskriminazzjoni li sofra li huwa kontra 
dak kollu li jġib firda – anzi jiddiżassoċja ruħu minn kull 
diskriminazzjoni politika u jgħid li l-GWU hija kontra kull ħaġa li ġġib
 firda, inkluż diskriminazzjoni politika għax fil-prinċipju l-GWU hija 
mibnija fuq is-soliderjatà u l-għaqda.
“Nikkalkula li għandna bejn 20% jew aktar tal-membri li 
huma ta’ fehma jew affiljazzjoni Nazzjonalista, li mhux biss huma attivi
 fuq il-post tax-xogħol, iżda anke wħud minnhom huma shopsteward. Dan 
juri biċ-ċar li l-fehma politika tal-memvri tagħna mhix se taffetwa 
l-ħidma tagħna. Jien nista‘ ngħidlek li kull min ħadem miegħi jaf li 
qatt m’għamilt distinzjoni bejn Laburist u Nazzjonalist. Anke 
l-uffiċjali l-oħra tagħna l-istess jaġixxu. Aħna quddiem għajnejna naraw
 biss ħaddiema. Irrispettivament x’fehma politika għandhom, x’reliġjon 
iħaddnu jew x’orjentazzjoni sesswali għandhom.”
Dwar ir-relazzjoni tal-GWU ma’ unjins oħra kif ukoll ma’ 
għaqdiet ta’ min iħaddem, Bugeja jgħid li din hija tajba ħafna għalkemm 
jagħmilha ċara dwar it-TUC (Trade Unions Council) li m’aħniex 
ippreparati għalih għax sal-lum mhux kulħadd jaqbel miegħu.
“Mela ejja niffukaw fuq l-‘issues’ li jolqtu lil kulħadd u 
li kulħadd jaqbel magħhom, bħas-saħħa u sigurta fuq ix-xogħol u 
d-diskriminazzjoni, imbagħad ħa nersqu aktar viċin ta’ xulxin. Dik hija 
l-arti tal-kompromess.
L-Unjoni Ewropea
Nistaqsuh ukoll dwar l-UE u kif iħares lejha meta fi żmien 
ir-referendum fuq is-sħubija l-GWU kienet ħarġet tgħid li hija kontra 
sħubija skont il-pakkett negozjat u miftehim. Għal dan Bugeja jgħid li 
huwa jemmen li bħala pajjjiż ma stajnix nibqgħu barra speċjalment meta 
llum nitkellmu fuq blokk ta’ pajjiżi u mhux fuq pajjiż wieħed.
Fl-istess waqt huwa jgħid li sa minn qabel ma dħalna fl-UE 
f’Malta kellna liġijiet li kienu aħjar minn tal-UE fosthom fejn tidħol 
il-paga minima u l-kundizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurta fuq il-post
 tax-xogħol.
Madankollu jisħaq li rridu nkunu parti minn blokk biex 
inkunu nistgħu nikkompetu f’dinja globalizzata u jsostni li l-UE għandha
 tagħmilielek possibbli li tirranġa l-affarijiet f’pajjiżek. Jenfasizza 
iżda li l-bżonnijiet tal-ħaddiema fil-pajjiżi membri huma differenti u 
l-UE ma tistax tfassal l-istess libsa għall-ħaddiema kollha.
Air Malta
Ma nistgħux ma nistaqsuhx fuq is-sitwazzjoni fl-Air Malta 
fejn is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li meta kien għadu jaħdem 
mal-posta għaddha mill-istess inċertezza li qed jiffaċċjaw dawk li 
jaħdmu fil-linja tal-ajru.
Huwa qalilna li l-aħħar informazzjoni li għandha l-GWU hija li l-‘business plan’ qed jiġi diskuss f’livell ministerjali.
“Iltqajna mal-ħaddiema kollha u għidnilhom 
x’possibilitajiet hemm u x’informazzjoni ngħatajna mill-management. 
It-tmexxija tal-Air Malta u l-Ministru għat-Turiżmu taw garanzija 
tal-impjieg u t-‘take home pay’. Hemm ħaddiema li qed jitolbu l-impjieg,
 hemm min jixtieq li jieħu s-somma u hemm min jixtieq jingħata 
l-opportunità li jaħdm fis-settur pubbliku”.
Bugeja saħaq li l-GWU ressqet il-proposti tagħha lill-Gvern
 u jrid li jiddiskutihom miegħu waqt li qed iżomm kuntatt kontinwu 
mal-ħaddiema. Huwa jgħid li huwa ovvju li bħala GWU inkwetati dwar 
il-futur tal-kumpanija għax l-Air Malta mhux sempliċi kumpanija. Dan 
l-għaliex l-operat tagħha jaffettwa bil-kbir setturi oħra fl-ekonomija 
bħal ma huwa dak tat-turiżmu u dak finanzjarju. Barra l-aspett soċjali. 
Dawn is-setturi jħaddmu numru konsiderevoli ta’ ħaddiema li huma membri 
tal-Union.
Barra hekk trid tara ukoll l-effett ħolistiku fuq is-soċjetà u l-ekonomija Maltija.
Bugeja qalilna li l-ġimgħa d-dieħla għandhom laqgħa 
mal-impjegati biex jagħtuhom l-aħħar informazzjoni u jinsisti li għalih 
importanti li jibqa’ f’kuntatt kontinwu mal-ħaddiema u jkun fosthom 
f’dan iż-żmien diffiċli.
Sfidi fil-ġejjieni
Dwar x’jaħseb li huma l-isfidi li qed jiffaċċjaw 
il-ħaddiema, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU jwieġeb ċar u tond li 
l-ħaddiem jeħtieġ iżid l-abilitajiet tiegħu u ma jista’ qatt jgħid li 
tgħallem biżżejed għax ma jafx x’opportunità jista’ jsib ma’ wiċċu 
fil-futur.
Huwa jinsisti li bħala pajjiż irid ikun hemm aktar 
sinerġija bejn l-ekonomija u l-edukazzjoni biex ikollna riżors uman 
imħarreġ biżżejjed biex jimla’ dawk il-vakanzi li qed ikun hawn fis-suq u
 ma jerġax jiġrilna kif ġara meta nfetħu opportunitajiet fl-avjazzjoni u
 ma kellnix nies biżżejjed.
“Irridu naraw ħames snin oħra x’riżors uman se jkollna 
bżonn. Illum hawn domanda enormi għax-xjenza u s-snajja u jekk 
l-investituri ma jsibux ir-riżors uman jistgħu jmorru x’mkien fejn 
joffrulhom dan. Dak il-biża’ tiegħi ... li jkun se jsir investiemnt 
Malta u l-ħaddiem ma jkunx imħarreġ biżżejjed”.
Sfida oħra hija li fil-ġejjieni, f’dinja fejn l-ekonomija 
hija globalizzata u kkonċentrata fuq il-kapital jeħtieġ li naraw li 
f’Malta jkun hawn ġustizzja soċjali. Tema li fl-aħħar mill-aħħar hija 
s-sies tal-GWU.
“Dawn huma l-prinċipji tagħna mhux l-individwaliżmu. Nemmen
 li filwaqt li jien nimxi ‘l quddiem lilek inwieżnek biex ukoll timxi ‘l
 quddiem. Għalhekk ma naqbilx mal-politika neo-liberali. Għax 
l-individwu jirrenja fuq kollox. Ma nħossnix komdu li nimxi ‘l quddiem u
 naf li hemm faxex kbar ta’ nies li għadhom jgħixu fil-faqar. Nixtieq 
nara soċjetà inklussiva u maqgħuda. Mhux il-membri tagħna biss rrid li 
jimxu ‘l quddiem, iżda s-soċjeta kollha”, jisħaq jgħid is-Segretarju 
Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.
No comments:
Post a Comment