Sunday 18 September 2016

Il-POU GWU tiċħad kategorikament li għandha xi trattament preferenzjali mill-Gvern





Wara artiklu minn The Times bit-titlu ‘Police still waiting for overtime offer’ imtella’ online nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Settembru, lejn l-aħħar tal-artiklu l-ġurnalist ried jagħti x’jifhem li l-gvern qed jagħti xi trattament preferenzjali lill-Police Officers’ Union fi ħdan il-General Workers’ Union. Il-POU GWU tiċħad kategorikament dan kollu u ser tispjega l-fatti kif inhuma.

Fost ir-raġunijiet li ta l-ġurnal semma li l-MPA għandha l-maġġoranza assoluta tal-membri tal-Korp tal-Pulizija msieħba magħha u li l-gvern qed ikaxkar saqajh biex jirrikonoxxiha. Li ma semmiex dan il-ġurnal huma żewġ fatturi. L-ewwel fattur hu li l-MPA fir-realtà m’għandha ebda maġġoranza assoluta u t-tieni li l-mod kif għaddiet il-liġi ladarba jkun hemm aktar minn unjin waħda jkunu rappreżentati t-tnejn. Biex tidher li għandha ħafna membri l-MPA bdiet tqassam formoli tas-sħubija, fejn fil-formola stess kien hemm miktub li s-sħubija hija b’xejn u b’hekk dak li jkun jimlieha għax ‘m’hemmx x’jitlef’. Iżda fir-realtà ħafna membri tal-Korp jagħmluha ċara pubblikament li malli jiġu mitluba jħallsu s-sħubija mhu ser iħallsu ebda miżata. Il-membri tal-Korp huma konxji li ħafna kundizzjonijiet tal-Pulizija baqgħu lura peress li meta l-MPA kienet l-unika ‘vuċi’ tal-membri tal-Korp qatt ma kkritikat jew ħadet azzjonijiet kontra l-amministrazzjoni tal-Korp jew il-gvernijiet preċedenti. Ironikament, każ klassiku huwa proprju s-sigħat żejda maħduma mill-Pulizija bejn l-1993 u l-2009. Kieku dak iż-żmien l-MPA ħadet azzjoni f’waqtha, illum il-ġurnata ma jkollniex il-bżonn li niddependu assolutament fuq dak li l-gvern jidhirlu li hu kumpens adegwat. Dan peress li l-każ huwa kollu preskritt. Kieku, dak iż-żmien il-Pulizija kien ikollhom aktar ħin mal-familja jew ta’ lanqas kienu jitħallsu immedjatament tax-xogħol maħdum żejjed.

Jidher li xi esponenti mill-MPA għadhom ma jistgħux jaċċettaw il-fatt li bil-liġi kif għaddiet fi Frar tas-sena 2015, kull membru tal-Korp għandu dritt jissieħeb fi trejd unjin tal-għażla tiegħu. Artiklu 21 (1) ta’ Kapitolu 164 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar il-Pulizija) isemmi l-bord tal-Pulizija għan-negozjar fejn f’dan il-bord jiġu diskussi diversi kundizzjonijiet għall-membri tal-Korp, fosthom; sigħat tax-xogħol, pensjonijiet, vakanzi, pagi u allowances. Artiklu 21 (4) tal-istess Kapitolu jgħid ċar ukoll li f’każ li jkun hemm aktar minn unjin waħda jkun hemm membri fil-bord skont ir-rappreżentanza tal-membri rispettivi.

Il-POU GWU mill-bidu nett ma kellha ebda oġġezzjoni li fejn jidħlu kwistjonijiet kollettivi l-unjins ikunu flimkien. Il-POU temmen li ftit li xejn jista’ jkun hemm differenza u fejn jista’ jkun hemm ħsieb differenti tinstab it-triq tan-nofs. Naturalment l-istil u l-mod kif iż-żewġ unjins joperaw huwa kompletament differenti u dan jidher evidenti minn din is-sena u nofs ta’ ħidma trejdunjonistika. Minkejja li l-MPA għamlet attentat biex taqla’ kompletament lill-POU GWU milli tkun parti minn negozjati għall-ftehim settorjali ġdid, il-POU xorta waħda wriet rieda li taħdem viċin kemm jista’ jkun mal-MPA. Fil-fatt f’Mejju li għadda l-POU għamlet stedina lill-MPA sabiex jiltaqgħu ġewwa l-Workers’ Memorial Building bil-għan li jersqu aktar lejn xulxin u fejn possibbli fi kwistjonijiet kollettivi jkunu vuċi waħda. Sfortunatament din l-istedina qatt ma ġiet milqugħa, minkejja li huwa evidenti li f’diversi issues se jkun hemm qbil bejn iż-żewġ unjins.

Minkejja dan in-nuqqas il-POU GWU ħadet l-aħbar li llum il-ġurnata anke l-MPA bidlet il-ħsieb tagħha dwar kif għandha tiġi riżolta l-kwistjoni tas-46 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Minn dak irrappurtat jidher li issa ż-żewġ unjins qed jaqblu li s-sigħat żejda għandhom ikunu riflessi fil-paga u dan jista’ jsir anke bil-ftehim settorjali eżistenti tal-2012. Il-ftehim settorjali jsemmi l-iskali tar-ranks tal-membri tal-Korp kif ukoll li l-ġimgħa tax-xogħol hija ta’ 46 siegħa, però mkien ma jgħid li l-ħlas għandu jkun ta’ 40 siegħa xogħol. Il-POU GWU pubblikament qed tistieden lill-MPA sabiex iż-żewġ naħat jiltaqgħu u flimkien tinstab it-triq ’il quddiem għall-mod kif iridu jaħdmu biex isir ftehim settorjali ġdid li huwa tant meħtieġ. Din il-fissazzjoni li l-MPA trid tkun l-unika trejd unjin rikonoxxuta fil-Korp mhu qed twassal għall-imkien u b’ebda mod il-gvern mhu qed jagħti xi preferenza lill-POU kif prova jagħti x’jifhem l-artiklu tat-Times.


 

No comments:

Post a Comment