Sunday 4 September 2016

"Is-sistema legali falliet" - L-Ispettur u President tal-POU-GWU Sandro Camilleri



Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1041767072606144/

Fid-dawl tar-reati kriminali li fl-aħħar snin ikkaratterizzaw il-lokalità ta' San Ġiljan u l-mekka tad-divertiment, Paceville, il-gazzetta IT-TORĊA ltaqgħet mal-Ispettur u President tal-POU-GWU Sandro Camilleri.

Dan il-ġurnal staqsa lil Camilleri dwar il-veduti tiegħu quddiem dan il-"kjass" f'din il-lokalità.

Bla kantunieri, l-Ispettur qal li, "is-sistema legali ta' pajjiżna falliet u qed tkompli tfalli kontinwament."

Huwa semma' każi fejn akkużat, għax ikun ingħata sentenza sospiża, jqies dan id-detriment bħala xejn mhu xejn. "Għandna l-idea li biex wieħed iħallas għal għemilu jrid imur bilfors il-ħabs...dan ifisser li fallejna." Żied jgħid li huwa importanti li nagħtu s-saħħa lill-Pulizija u ninvestu fihom, iżda bla dubju trid tkun irranġata s-sistema legali.

"Il-Qrati, is-sistema legali, il-Gvern u l-leġiżlazzjoni, trid tkun ħarxa, anke fuq reati żgħar."

Paceville - Post ta' divertiment uniku li sar rebus

"Paceville sar rebus." Camilleri stqarr li dan il-post sar rebus sforz in-nuqqas ta' prekawzjonijiet li suppost qegħdin fis-seħħ iżda mhux qed jittieħdu.

"Paceville huwa unika fl-Ewropa jekk mhux fid-dinja, minħabba l-konċentrazzjoni kbira ta' stabbilimenti ta' divertiment li jinsabu f'post relativament żgħir." Huwa qal li, minħabba f'hekk, huwa importanti  li l-pajjiż jikkunsidra l-infurzaw neċessarju.

L-Ispettur kompla jispjega li raġuni oħra li ssaħħaħ il-ħtieġa tal-infurzar hija, l-libertà li l-kriminalità jista' jkollha f'postijiet bħal dawn. "Huwa ovvju li fejn hemm attività bħal din, teżisiti l-possibbilità li se jseħħu diversi reati kriminali."

"Ir-realtà hija li, il-pulizija fil-lokalità ta' San Ġiljan ġew qishom pupazzi, minn jiġbidom l'hawn u minn jiġbidhom l'hemm."

Punt ieħor li qajjem l-Ispettur kien l-inferjorità tal-uniformi li Pulizija  stazzjonati f'San Ġiljan ikollhom jilbsu. Camilleri spjega li dawn il-pulizija  mhumiex mgħammra b'apparat neċessarju bħal, taser gun u pepper spray.

Huwa aċċenna li, "il-kriminali hekk jieħdu gost, jaraw lill-Korp tal-Pulizija bla saħħa u bla sinsla, ħalli jagħmlu li jridu."

Ta' min isemmi li bħala POU, ilha għal diversi xhur issostni li hemm bżonn skwadra ta' Pulizija li tkun speċifikament għal Paceville biss. Dawn għandhom ikunu "attrezzati, b'night vests għal kontra l-imwies, armati b'taser guns u pepper sprays, kif ukoll body cams."

Rigward l-użu tal-body cams, l-Ispettur Camilleri, qal li fil-passat kien hemm sidien ta' lukandi li avviċinawh personalment u offrew li jħallsu dan l-apparat minn bwiethom. Minkejja dan, sfortunament, kemm il-Korp kif ukoll amministrazzjonijiet preċidenti fil-Gvern, irrifjutaw din l-offerta.

Fil-fehma tal-Ispettur, din id-deċiżjoni baqgħet tippersisti minħabba l-fatt li l-kameras "jikxfu d-dnub, sew jekk jiżbalja persuna daqstant ieħor jekk jiżbalja Pulizija."

Huwa spjega li l-kameras huma investiment importanti għall-Korp, "għax jissalvagwardjaw ix-xogħol tal-Pulizija u jxejnu l-gideb li jista' jintqal fil-konfront tagħhom."

Camilleri għamilha ċara li dawn mhumiex biżejjed. "Inutli li jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri, imbagħad meta jitressaq quddiem il-ġustizzja jingħata sentenza miżera."

Matul l-intervista l-President tal-POU-GWU, ikkonferma ma' din il-gazzetta li f'pajjiżna kien hawn żieda ta' reati li kkommettewhom individwi ta' nazzjonalità barranija. Fil-fatt, huwa spjega li fil-lokalità ta' San Ġiljan qed jinħolqu "ghettos", bil-Pulizija kontinwament tipprova tinfiltrahom u timmaterjalizzahom.

Sussegwentament dawn il-fatturi negattivi qed iwasslu biex membri tal-Pulizija, ma jħossuhomx komdi li jkunu stazzjonati f'din il-lokalità jew f'Paceville. Fattur ewlieni jkun l-abbuż kontinwu li jsofru mill-pubbliku.

Bżonn ta' aktar sinerġija bejn il-Pulizija u l-bouncers

IT-TORĊA staqsiet lill-Ispettur dwar is-sitwazzjoni tal-bouncers. Fil-passat din il-gazzetta, kif ukoll il-ġurnal L-ORIZZONT ippubblikaw stejjer ta' reati fejn bouncers sawtu individwi f'Paceville.

Fid-dawl ta' dan, l-Ispettur Camilleri, qal li xogħol il-bouncer mhuwiex li jsawwat iżda li jieħu ħsieb t-trankwilità fl-istabbiliment. "Aħna qatt ma mhu se naċċettaw li bouncer jagħti xeba lil individwu għal xejn, kif fil-fatt ġara fix-xhur li għaddew," stqarr magħna Camilleri. Kompla jgħid li l-bouncer irid jimxi id f'id mal-Pulizija biex tikber aktar is-sinerġija bejn iż-żewġ partijiet.

Spjegalna li hija realtà li ħafna mill-bouncers mhumiex regolati u għandhom kondotta maħmuġa, "dan m'għandux ikun hekk."

Camilleri għarrafna li qed isiru aktar spezzjonijiet fl-istabbilimenti, saħansitra qed ikun diskuss xi tibdil fil-liġi tal-bouncers. Minkejja dawn il-każi, l-Ispettur qal li bħal kull settur ieħor, hemm bouncers li huma dedikati f'xogħlhom u li jagħmluh b'serjetà u professjonalità.

Mhux se nittoleraw aktar swat fuq il-Pulizija...Issa żżejjed!

F'ċertu każi, minkejja li l-Pulizija jkunu qed jagħmlu l-qagħdi ta' dmirijiethom, dawn jisfaw aggrediti minn min ikun qed jiġi ddixxiplinat.

L-Ispettur, semma diversi każi fejn Pulizija sfaw mweġġa, b'konsegwenza li għal diversi ġranet spiċċaw b'impediment fiżiku. Aċċena li hemm bżonn ta' deterrenti akbar għal dawk in-nies li jerfgħu idejhom fuq il-Pulizija, "għax issa żżejjed."

Camilleri appella lill-poplu Malti u l-Awtoritjiet biex "jieħdu ħsieb" lill-Korp tal-Pulizija. "Mingħajr id-dixxiplina tal-Korp, il-pajjiż jispiċċa f'rebus sħiħ," temm jgħid l-Ispettur Sandro Camilleri.

No comments:

Post a Comment