Friday 30 September 2016

Sejħa għal aktar ‘Shop Stewards’ u ‘Helpers’ fi ħdan il-POU GWU


 

Għeżież membri

Mis-sena l-oħra ‘l hawn is-sħubija tal-Pulizija fi ħdan il-POU GWU kibret sostanzjalment, għaldaqstant sabiex norganizzaw ruħna aħjar u nkunu aktar viċin tagħkom l-unjin qed tilqa’ applikazzjonijiet għall-‘Shop Stewards’ u ‘Helpers’ fi ħdanha. Dawk li diġa huma ‘Shop Stewards’ / ‘Helpers’ mitluba xorta waħda jimlew id-dettalji tagħhom sabiex ikollna d-dettalji f’sistema ċentralizzata.

L-applikazzjonijiet ser jibqgħu miftuħa sal-Ġimgħa 14 t’Ottubru. Kull min hu interessat għandu jimla d-dettalji mitluba wara li jidħlu fil-link hawn taħt:

https://docs.google.com/forms/d/e/1FAIpQLSd7vMzSs1UIhdQy97QMfNWpaZ9FErY88La5xLfNRBrh06Mt1A/viewform

Tuesday 27 September 2016

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri fuq F Living TV nhar it-Tlieta 27 ta' Settembru 2016

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri intervistat mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon F Living TV Live nhar it-Tlieta 27 ta' Settembru 2016


Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1060338144082370/

Monday 26 September 2016

Tanatnejn - Ftit umoriżmu ma' Sandro Camilleri

Tanatnejn - Ftit umoriżmu mal-President tal-Pou Gwu l-Ispettur Sandro Camilleri ;-)

Intervista b'differenza mill-preżentaturi Glenn Bedingfield u Luke Dalli fuq ONE - MALTA TV

Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
 https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1059570207492497/

Wednesday 21 September 2016

Pop Meets Classic 2 - MCC Valletta


CELEBRATING 95 YEARS OF MUSIC

The Malta Police Band featuring internationally acclaimed 
Federica Balucani (Italian Soprano & Pop Singer), 
Ivan Grech from Winter Moods, 
Marita Bezzina (Soprano), 
Ruth Sammut Casingena (Soprano), 
Alan Sciberras (Tenor), 
Neville Refalo, Ritienne, 
Destiny Chukunyere, 
the Police Pipe Band and Guest Musicians Ensemble. 

This event will be under the distinguished Patronage of Her Excellency Marie-Louise Coleiro Preca, President of Malta.

Tickets at 12euros will be a donation in aid of the Malta Community Chest Fund. 
Book on: www.mcc.com.mt

#PopMeetsClassic2 will be hosted by Christine Dalli and Frank Zammit. 

Direction will be under the baton of Senior Superintendent Mro Anthony Cassar.

The MCC shuttle service will be available for the convenience of parking around the outskirts of Valletta.

 
For more information call Police General Headquarters (CMRU) on 21224001 - 22942667/8 - 99843099.
 

Tuesday 20 September 2016

Tweġiba dwar l-'ultimatum' imħabbar ilbieraħ


Konsultazzjoni pubblika dwar il-Budget 2017



Ilbieraħ 19 ta' Settembru l-Pou Gwu ħadet sehem fl-attività 'Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Budget 2017' fejn kien preżenti l-Ministru tal-Finanzi Profs. Edward Scicluna. Nemmnu li wasal iż-żmien li jsir ftehim settorjali ġdid maqbul bejn l-unjins li jirrappreżentaw il-membri tal-Korp u l-gvern sabiex jiġu indirizzati l-inġustizzji li fih dak eżistenti (tal-2012).

Lil hinn mill-ftehim settorjali, il-POU ser tibqa' tirsisti fil-fora kollha u anke permezz tal-GWU li l-membri tal-Korp għandhom jibdew jitħallsu tas-sigħat li jaħdmu bħalma jiġri f'kull post tax-xogħol ieħor. Il-ftehim settorjali eżistenti jgħid x'inhuma l-iskali tal-membri tal-Korp u jgħid li rridu naħdmu 46 siegħa, iżda mkien ma jgħid li rridu nitħallsu ta' 40 siegħa.

Monday 19 September 2016

“Għaddu minn fuq il-Pulizija; nafu min huma!”



“Ibqgħu għaddejjin minn fuq il-Pulizija. Wara jċemplu lil tal-RIU u mbagħad min jiflaħ iħawwel. Għandhom sub-machine guns Scorpio, Benelli M3s, M4s u Glocks 17s. Jużawhom. Nafuhom kollha; nafu l-gradi u n-numri tagħhom kollha”.

Dawn huma l-kliem ta’ P. Agius li dehru fuq portal ta’ ġurnal lokali, allegatament anke fuq iżjed minn wieħed.

Newsbook.com.mt talab ir-reazzjoni tal-Ispettur Sandro Camilleri, President tal-Police Officers’ Union (POU), li qal li dan huwa kliem li jinċita l-vjolenza kontra membri tal-Korp tal-Pulizija.

Huwa qal li posts bħal dan huma illegali u reat kriminali. Il-fatt waħdu li ntuża mezz ta’ komunikazzjoni b’mod abbużiv diġà jwassal għal multa ta’ €23,000.

Camilleri saħaq li l-membri tal-Korp ikunu qed jagħmlu xogħolhom u ħadd ma għandu jieħu l-liġi b’idejh. “Hemm bżonn ikunu ċċivilizzati u nħallu l-Qrati jagħmlu xogħolhom. Għalkemm kulħadd għandu dritt jikkritika, ħadd ma jista’ jinċita l-vjolenza jew jhedded. Dan huwa theddid ċar meta din il-persuna qed tgħid li għandha n-numri tal-membri tal-Korp eċċ.,” qal Camilleri.

Huwa rringrazzja lil Herman Grech li, appena sar jaf b’dan il-post fuq il-portal tiegħu, neħħieh immedjatament.



Sunday 18 September 2016

Il-POU GWU tiċħad kategorikament li għandha xi trattament preferenzjali mill-Gvern





Wara artiklu minn The Times bit-titlu ‘Police still waiting for overtime offer’ imtella’ online nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Settembru, lejn l-aħħar tal-artiklu l-ġurnalist ried jagħti x’jifhem li l-gvern qed jagħti xi trattament preferenzjali lill-Police Officers’ Union fi ħdan il-General Workers’ Union. Il-POU GWU tiċħad kategorikament dan kollu u ser tispjega l-fatti kif inhuma.

Fost ir-raġunijiet li ta l-ġurnal semma li l-MPA għandha l-maġġoranza assoluta tal-membri tal-Korp tal-Pulizija msieħba magħha u li l-gvern qed ikaxkar saqajh biex jirrikonoxxiha. Li ma semmiex dan il-ġurnal huma żewġ fatturi. L-ewwel fattur hu li l-MPA fir-realtà m’għandha ebda maġġoranza assoluta u t-tieni li l-mod kif għaddiet il-liġi ladarba jkun hemm aktar minn unjin waħda jkunu rappreżentati t-tnejn. Biex tidher li għandha ħafna membri l-MPA bdiet tqassam formoli tas-sħubija, fejn fil-formola stess kien hemm miktub li s-sħubija hija b’xejn u b’hekk dak li jkun jimlieha għax ‘m’hemmx x’jitlef’. Iżda fir-realtà ħafna membri tal-Korp jagħmluha ċara pubblikament li malli jiġu mitluba jħallsu s-sħubija mhu ser iħallsu ebda miżata. Il-membri tal-Korp huma konxji li ħafna kundizzjonijiet tal-Pulizija baqgħu lura peress li meta l-MPA kienet l-unika ‘vuċi’ tal-membri tal-Korp qatt ma kkritikat jew ħadet azzjonijiet kontra l-amministrazzjoni tal-Korp jew il-gvernijiet preċedenti. Ironikament, każ klassiku huwa proprju s-sigħat żejda maħduma mill-Pulizija bejn l-1993 u l-2009. Kieku dak iż-żmien l-MPA ħadet azzjoni f’waqtha, illum il-ġurnata ma jkollniex il-bżonn li niddependu assolutament fuq dak li l-gvern jidhirlu li hu kumpens adegwat. Dan peress li l-każ huwa kollu preskritt. Kieku, dak iż-żmien il-Pulizija kien ikollhom aktar ħin mal-familja jew ta’ lanqas kienu jitħallsu immedjatament tax-xogħol maħdum żejjed.

Jidher li xi esponenti mill-MPA għadhom ma jistgħux jaċċettaw il-fatt li bil-liġi kif għaddiet fi Frar tas-sena 2015, kull membru tal-Korp għandu dritt jissieħeb fi trejd unjin tal-għażla tiegħu. Artiklu 21 (1) ta’ Kapitolu 164 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar il-Pulizija) isemmi l-bord tal-Pulizija għan-negozjar fejn f’dan il-bord jiġu diskussi diversi kundizzjonijiet għall-membri tal-Korp, fosthom; sigħat tax-xogħol, pensjonijiet, vakanzi, pagi u allowances. Artiklu 21 (4) tal-istess Kapitolu jgħid ċar ukoll li f’każ li jkun hemm aktar minn unjin waħda jkun hemm membri fil-bord skont ir-rappreżentanza tal-membri rispettivi.

Il-POU GWU mill-bidu nett ma kellha ebda oġġezzjoni li fejn jidħlu kwistjonijiet kollettivi l-unjins ikunu flimkien. Il-POU temmen li ftit li xejn jista’ jkun hemm differenza u fejn jista’ jkun hemm ħsieb differenti tinstab it-triq tan-nofs. Naturalment l-istil u l-mod kif iż-żewġ unjins joperaw huwa kompletament differenti u dan jidher evidenti minn din is-sena u nofs ta’ ħidma trejdunjonistika. Minkejja li l-MPA għamlet attentat biex taqla’ kompletament lill-POU GWU milli tkun parti minn negozjati għall-ftehim settorjali ġdid, il-POU xorta waħda wriet rieda li taħdem viċin kemm jista’ jkun mal-MPA. Fil-fatt f’Mejju li għadda l-POU għamlet stedina lill-MPA sabiex jiltaqgħu ġewwa l-Workers’ Memorial Building bil-għan li jersqu aktar lejn xulxin u fejn possibbli fi kwistjonijiet kollettivi jkunu vuċi waħda. Sfortunatament din l-istedina qatt ma ġiet milqugħa, minkejja li huwa evidenti li f’diversi issues se jkun hemm qbil bejn iż-żewġ unjins.

Minkejja dan in-nuqqas il-POU GWU ħadet l-aħbar li llum il-ġurnata anke l-MPA bidlet il-ħsieb tagħha dwar kif għandha tiġi riżolta l-kwistjoni tas-46 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Minn dak irrappurtat jidher li issa ż-żewġ unjins qed jaqblu li s-sigħat żejda għandhom ikunu riflessi fil-paga u dan jista’ jsir anke bil-ftehim settorjali eżistenti tal-2012. Il-ftehim settorjali jsemmi l-iskali tar-ranks tal-membri tal-Korp kif ukoll li l-ġimgħa tax-xogħol hija ta’ 46 siegħa, però mkien ma jgħid li l-ħlas għandu jkun ta’ 40 siegħa xogħol. Il-POU GWU pubblikament qed tistieden lill-MPA sabiex iż-żewġ naħat jiltaqgħu u flimkien tinstab it-triq ’il quddiem għall-mod kif iridu jaħdmu biex isir ftehim settorjali ġdid li huwa tant meħtieġ. Din il-fissazzjoni li l-MPA trid tkun l-unika trejd unjin rikonoxxuta fil-Korp mhu qed twassal għall-imkien u b’ebda mod il-gvern mhu qed jagħti xi preferenza lill-POU kif prova jagħti x’jifhem l-artiklu tat-Times.


 

Monday 12 September 2016

"Ix-xogħol għandu jgħin lill-ħaddiem biex jgħix u mhux jgħix għax-xogħol" - Josef Bugeja



F’dinja tax-xogħol li kontinwament qed tinbidel, jinħtieġ li jinstab bilanċ bejn dak li hu mistenni mill-ħaddiema u dawk li huma l-aspirazzjonijiet tal-istess ħaddiema. Illum mhuwiex biżżejjed li tgħid li ksibt kundizzjonijiet tajba fuq il-postijiet tax-xogħol, iżda sar ferm aktar importanti li tara li l-kundizzjonijiet tax-xogħol iwasslu għall-impjiegi ta’ kwalità. “Nemmen li l-missjoni tiegħi hija li nara li fis-soċjetà tagħna, f’dinja li hija maħkuma mill-kilba għall-akkumulu ta’ kapital, il-ħaddiema jkollhom impjiegi ta’ kwalità li li jgħinuhom jgħixu b’mod ġust u dinjituż. Ix-xogħol għandu jgħin lill-ħaddiem biex jgħix, u mhux bil-kontra fejn il-ħaddiem jgħix biex jaħdem.” Din hija l-fehma ta’ Josef Bugeja li sa minn Ottubru 2015 qed jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-akbar għada tal-ħaddiema f’Malta, il-General Workers’ Union.

Imwieled fl-1968, Bugeja daħal fid-dinja tax-xogħol bħala ‘machine setter’ mal-kumpanija SGS illum magħrufa bħala ST Microelectronics qabel ma beda jaħdem bħala pustier fejn minn hemm laħaq ‘counter administrator’. Huwa mill-ewwel impjieg kien membru fi ħdan il-General Workers’ Union iżda wara li beda jaħdem mal-Maltapost li huwa beda l-karriera trejdunjonistika tiegħu, fejn matul is-snin baqa’ tiela l-iskaluni tat-tmexxija bħala Junior Secretary, Segretarju ta’ Taqsima, Deputat Segretarju Ġenerali u Segretarju Ġenerali Designate qabel ma’ fit-8 ta’ Ottubru 2015 kien maħtur fl-ogħla kariga ta’ Segretarju Ġenerali.

Bugeja beda biex qalilna li minkejja li f’dawn il-15-il sena tela’ minn kariga għal oħra fi ħdan l-Union iħoss li fil-fond ta’ qalbu huwa għadu ‘shop steward’. Jgħid li “l-iktar mument li nieħu pjaċir huwa meta niltaqa’ mal-ħaddiema. Il-kuntatt mal-ħaddiema ma nibdlu ma’ xejn”.

Bugeja qalilna li l-fatt li titla’ skaluna skaluna tagħtik ċertu vantaġġi għax tkun taf x’qed iħossu l-ħaddiema u tisa’ turi empatija magħhom għal dak li jkunu għaddejjin minnu.

Mistoqsi jekk il-ħaddiem – fiż-żminijiet tal-lum – japprezzax li l-Union tkun ippruvat issolvilu l-problemi li jkun qed jiffaċċja anke jekk mhux neċessarjament se jirnexxilha, huwa jwieġeb li jekk jiġi ħaddiem jew grupp ta’ ħaddiema fuqu se jagħmel dak kollu possibbli biex il-problema jsolviha imma jekk ikun hemm ċirkostanzi fejn ma jkunx jista’ jirranġaha jgħidilhom il-verita u għala ma jistax jasal: “Anke jekk f’dak il-mument jeħduha kontrik ... anke jekk jaqilbu u jitilqu mill-Union... anke jekk ma naqblux, jien tal-inqas ikun konvint li tajt dak kollu possibbli biex l-aspirazzjonijiet tagħhom nilħaqhom. Żgur mhux se ngħaddi mit-triq b’rasi baxxuta għax nistħi għax inkun naf li inqasthom b’xi mod. Nemmen li wara li tgħaddi r-rabja tal-bidu, il-ħaddiema japprezzaw li kont onest u sinċier magħhom.”

“Trejdunjonista jeħtieġ li l-membri jkollhom fiduċja fit-tmexxija tiegħu u fl-organazzizjoni li jirrapreżenta. Jien irrid li l-membri tagħna jemmnu fl-għaqda, fis-soliderjetà u fil-prinċipji li tħaddan il-GWU.” Bugeja jħoss li t-talbiet tal-ħaddiema huma ġustifikati għax huma mibnija fuq l-għerf u l-abilità li jkunu kisbu matul is-snin. Il-ħaddiem investa fil-ħiliet tiegħu u bir-raġun kollu jipprova jġib l-aqwa kisbiet fuq dak l-investiment: “Ma naf bl-ebda imprenditur li ma jipprovax ikabbar l-profiti tiegħu minn fuq dak li  jkun investa.” Ilum il-ħaddiema qed jistudjaw u jitħarrġu iżjed biex mhux biss jidħlu f’impjieg u jibqgħu hemm imma jagħmlu suċċess fil-ħajja tagħhom u jilħqu l-massimu tal-potenzjal.

Huwa stqar li bħalissa flimkien mal-kumplament tat-tmexxija tal-GWU qed jieħdu kont tas-sitwazzjoni.

“Dan qed nagħmluh biex it-tibdil li jeħtieġ isir ikun maħsub u marbul f’kull livel u minn kull angolu. Hemm tibdil li qed issir fl-immedjat u ieħor li se jkun aktar fit-tul biex il-membri tagħna jkollhom l-aqwa u l-aħjar servizz possibbli. “Irrid nassigura li l-GWU tkompli tikber. Mhux biss fin-numru imma fl-ideat tagħha, fil-politika tagħha u għalhekk irridu li ntejjbu s-servizzi eżistenti u nagħtu l-aqwa servizz biex nattiraw membri ġodda f’oqsma ġodda tal-ekonomija.

Fil-fatt Bugeja nsista li wieħed mill-punti li jħambaq fuqhom huwa li l-ħaddiema jridu jitħarrġu għax dak li jitgħallmu ma jista’ jeħodulhom ħadd. Bit-taħriġ tikseb kompetenzi u ħiliet ġodda li jiftuħel il-bibien għal opportunitajiet diversi.

Relevanza trejdunjonistika
“Jekk nibqgħu noffru l-istess servizi li l-GWU kienet toffri meta twieldet fl-1943 ma nibqgħux relevanti. Illum irridu naħdmu biex noħolqu bilanċ bejn il-ħajja tal-individwu u d-dinja tax-xogħol. Ma rridx li l-ħaddiema jsiru skjavi tax-xogħol. Irrid li jaħdmu biex jgħixu mhux jgħixu għax-xogħol. Dak huwa r-relevanza tat-trejdunjins”.

Jisħaq li r-rilevanza tal-Union hija fuq żewġ livelli. Fuq livell azjendali u industrijali l-Union tibqa’ rilevanti sakemm tibqa’ tinbidel skont iċ-ċirkostanzi tal-ekonomija u tas-suq tax-xogħol; u toffri s-servizz li l-membri tagħħa għandhom bżonn u jistennew li jingħataw.

Fuq livel soċjali, Bugeja jgħid li r-relevanza tal-Union hija riflessa fil-proposti għall-baġit li jolqtu interessi wiesa’ fis-soċjetà. Partikolarment dik fejn il-GWU qed tissuġġerixxi li min ikun qed ibati bil-kanċer jingħata ‘medical leave’ apparti l-leave u s-‘sick leave’ kif ukoll jekk ikollha pagamenti fuq id-dar dawn jiġu iffriżati biex jingħataw ċans fil-ħlas.

“Dak li nixtieq nara fil-GWU ... li tkun dar tal-ħsieb u dar tad-diskussjoni. Biex noħorġu l-aħjar proposti ħalli s-soċjeta timxi ‘l qudiem. U qed jirnexxielna nagħmlu dan għax hawn involviment qawwi. Lill-membri tagħna qed nuruhom kif jistgħu jsiru ċertu proposti u jekk oħrajn ma jistgħux għaliex”.

Kemm il-Union hija relevanti fid-dinja tal-lum jidher ċar ukoll mill-investiment li tħabbru f’postijiet tax-xogħol bħal Playmobil, il-Hilton, l-Enemed u Farsons fejn Bugeja jgħid li l-GWU kienet involuta fihom lkoll bħala imsieħba soċjali. “Dan kollu juri biċ-ċar ir-relevanza tal-GWU fil-postijiet ta’ xogħol bħala sieħeb kollaborativ.” Huwa jgħid li f’dawn il-postijiet il-management imexxi l-azjenda imma l-GWU tagħti vuċi lill-ħaddiema dwar id-deċiżjonijiet li jkunu qed jitieħhdu u fuq kollox jaffitwawhom b’mod dirett.

Bugeja semmielna li minbarra laqgħat fi ħdan l-MCESD u ma’ korpi kostitwiti, il-GWU bdiet tiltaqa’ wkoll ma’ għaqdiet volontarji biex tisma’ mingħandhom l-ideat u suġġerimenti ħalli flimkien nibnu soċjetà aħjar mibnija fuq is-soliderjetà soċjali. Fil-fatt il-proposti tagħha għall-Baġit 2017 il-GWU ħarġet bi proposti mhux iffokati biss fuq id-dinja tax-xogħol imma fuq is-soċjetà ġenerali.

“Jekk tara l-proposti li għamilna għall-baġit li ġej tara li dawn huma immirati għal faxex ta’ nies differenti li ħassejna li waqgħu lura. Qed ngħidu lill-Gvern li veru li Malta qed tagħmel suċċess imma rridu nindriizzaw dawn il-faxex ta’ nies biex jgħixu aħjar”.

Fost il-proposti li ippreżentat fil-baġit li jmiss hemm dawk dwar ix-xogħol prekarju fejn il-GWU qed tisħaq li m’għandux ikun hemm sitwazzjoni fejn ħaddiema impjegati ma’ kuntrattur jew aġenzija ta’ xogħol temporanju jkunu mħallsa inqas u jkollhom kundizzjonijiet inferjuri mill-ħaddiema li jkunu impjegati direttament mal-kumpanija għall-xogħol tal-istess valur. Din il-proposta għandha tiżgura li filwaqt li jitħaddem il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, ikun attakkat il-prekarjat.

“Fis-soċjetà tagħna tal-lum ma jistax ikollna lil kulħadd miexi ‘l quddiem u mbagħad ikollna grupp ta’ nies li jibqgħu lura. Dik ma nħossnix komdu biha jien. Biex inħossni komdu rrid nara li kulħadd jimxi ‘l quddiem u jilħaq il-massimu tal-potenzjal tiegħu”, qalilna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

L-individwaliżmu
Mistoqsi dwar il-fatt li llum qed jiżdiedu l-kuntratti individwali u jekk dan qed inaqqas l-importanza tat-trejdunjins, Bugeja jgħid li din hija sfida li jeħtieġ tinbidel f’opportunità. L-individwu ma jistax jikkompeti mal-kapital u jista’ jikkompeti biss jekk hemm il-kollettiv.

Huwa qal li l-unjins huma relevanti għax jwasslu l-aġenda tal-ħaddiema ’l quddiem kemm fuq il-post tax-xogħol, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU semma kif minn stħarriġ li sar fost 1,200 ħaddiem ħareġ li waħda mir-raġunijiet għala daħlu fil-Union kienet biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol.

Huwa jsostni li kien hemm diversi postijiet tax-xogħol fejn kien hemm ħafna kuntratti individwali u l-ħaddiema iddeċidew li jidħlu fil-Union wara li bdew jaraw ċertu ħaddiema jimxu ‘l quddiem u huma baqgħu lura. Kien wara li saru membri u sar ftehim kollettiv li ġew ugwali.

“Iktar ma jgħaddi żmien ħafna ħaddiema qed jindunaw li l-forza tagħhom hija fil-kollettiv u mhux fl-individwaliżmu. Bl-individwaliżmu minn 10 jimxi wieħed ‘il quddiem imma ma jimxux kollha”.

Perċezzjonijiet
Mistoqsi dwar il-perċezzjoni li l-GWU hija qrib tal-Partit Laburista aktar mill-Partit Nazzjonalista, Bugeja jagħmilha ċara li filwaqt li hemm konverġenza ta’ ideat, hsieb u valuri, il-GWU hija kompletament distinta mill-Partit Laburista. Dawn il-konverġenzi tal-ideat, ħsieb u valuri li jwasslu biex il-GWU u l-Partit Laburista jkunu qrib.

“Kelli diversi okkażjonijiet matul is-snin li għamilt sergretarju fejn il-proposti li ressaqt ġew skartati mhux għax kienu ħżiena iżda għax kienu ġejjin mill-GWU. Bħala Union mhux biss importanti li titkellem imma huwa wkoll importanti li ssib min jismaha. Matul il-karriera trejdunjonistika tiegħi ffaċċjajt segretarji permanenti fil-Ministeri li meta talbhom laqgħat qaluli li kienu se jikkunsidrawha imma baqgħu qatt ma aċċettaw. Oħrajn qalu ċar u tond li mal-GWU jimponu u ma’ unjin oħra jiddiskutu. Jien dejjem ridt li ningħata l-istess opportunità li kien jingħata ħadd ieħor. Ftit kienu dawk l-verament semgħu u ddiskutew b’mod ġenwin biex tinstab soluzzjoni.”

Jistqarr li dan l-atteġġament ostili wassal biex il-GWU tieħu pożizzjonijiet drastiċi li għal ħafna kienu perċepiti bħala mossi politiċi minħabba li fil-gvern kien hemm il-Partit Nazzjonalista.
Illum id-differenza hija li għandna gvern li verament jisma’ l-ideat u il-proposti tal-GWU. Kien hemm proposti li ġew aċċettati u oħrajn li le. Imma għall-inqas naf li mhux niġi politikament diskriminat. Hemm kollaborazzjoni fuq kull livell bil-għan li kulħadd jimxi ’l quddiem. Ċert li mhux se naqblu f’kollox imma żgur ukoll li hemm qbil li noħolqu soċjetà ġusta mibnija fuq il-ġustizzja soċjali.

U minħabba dik id-diskriminazzjoni li sofra li huwa kontra dak kollu li jġib firda – anzi jiddiżassoċja ruħu minn kull diskriminazzjoni politika u jgħid li l-GWU hija kontra kull ħaġa li ġġib firda, inkluż diskriminazzjoni politika għax fil-prinċipju l-GWU hija mibnija fuq is-soliderjatà u l-għaqda.
“Nikkalkula li għandna bejn 20% jew aktar tal-membri li huma ta’ fehma jew affiljazzjoni Nazzjonalista, li mhux biss huma attivi fuq il-post tax-xogħol, iżda anke wħud minnhom huma shopsteward. Dan juri biċ-ċar li l-fehma politika tal-memvri tagħna mhix se taffetwa l-ħidma tagħna. Jien nista‘ ngħidlek li kull min ħadem miegħi jaf li qatt m’għamilt distinzjoni bejn Laburist u Nazzjonalist. Anke l-uffiċjali l-oħra tagħna l-istess jaġixxu. Aħna quddiem għajnejna naraw biss ħaddiema. Irrispettivament x’fehma politika għandhom, x’reliġjon iħaddnu jew x’orjentazzjoni sesswali għandhom.”

Dwar ir-relazzjoni tal-GWU ma’ unjins oħra kif ukoll ma’ għaqdiet ta’ min iħaddem, Bugeja jgħid li din hija tajba ħafna għalkemm jagħmilha ċara dwar it-TUC (Trade Unions Council) li m’aħniex ippreparati għalih għax sal-lum mhux kulħadd jaqbel miegħu.

“Mela ejja niffukaw fuq l-‘issues’ li jolqtu lil kulħadd u li kulħadd jaqbel magħhom, bħas-saħħa u sigurta fuq ix-xogħol u d-diskriminazzjoni, imbagħad ħa nersqu aktar viċin ta’ xulxin. Dik hija l-arti tal-kompromess.

L-Unjoni Ewropea
Nistaqsuh ukoll dwar l-UE u kif iħares lejha meta fi żmien ir-referendum fuq is-sħubija l-GWU kienet ħarġet tgħid li hija kontra sħubija skont il-pakkett negozjat u miftehim. Għal dan Bugeja jgħid li huwa jemmen li bħala pajjjiż ma stajnix nibqgħu barra speċjalment meta llum nitkellmu fuq blokk ta’ pajjiżi u mhux fuq pajjiż wieħed.

Fl-istess waqt huwa jgħid li sa minn qabel ma dħalna fl-UE f’Malta kellna liġijiet li kienu aħjar minn tal-UE fosthom fejn tidħol il-paga minima u l-kundizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol.

Madankollu jisħaq li rridu nkunu parti minn blokk biex inkunu nistgħu nikkompetu f’dinja globalizzata u jsostni li l-UE għandha tagħmilielek possibbli li tirranġa l-affarijiet f’pajjiżek. Jenfasizza iżda li l-bżonnijiet tal-ħaddiema fil-pajjiżi membri huma differenti u l-UE ma tistax tfassal l-istess libsa għall-ħaddiema kollha.

Air Malta
Ma nistgħux ma nistaqsuhx fuq is-sitwazzjoni fl-Air Malta fejn is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li meta kien għadu jaħdem mal-posta għaddha mill-istess inċertezza li qed jiffaċċjaw dawk li jaħdmu fil-linja tal-ajru.

Huwa qalilna li l-aħħar informazzjoni li għandha l-GWU hija li l-‘business plan’ qed jiġi diskuss f’livell ministerjali.

“Iltqajna mal-ħaddiema kollha u għidnilhom x’possibilitajiet hemm u x’informazzjoni ngħatajna mill-management. It-tmexxija tal-Air Malta u l-Ministru għat-Turiżmu taw garanzija tal-impjieg u t-‘take home pay’. Hemm ħaddiema li qed jitolbu l-impjieg, hemm min jixtieq li jieħu s-somma u hemm min jixtieq jingħata l-opportunità li jaħdm fis-settur pubbliku”.

Bugeja saħaq li l-GWU ressqet il-proposti tagħha lill-Gvern u jrid li jiddiskutihom miegħu waqt li qed iżomm kuntatt kontinwu mal-ħaddiema. Huwa jgħid li huwa ovvju li bħala GWU inkwetati dwar il-futur tal-kumpanija għax l-Air Malta mhux sempliċi kumpanija. Dan l-għaliex l-operat tagħha jaffettwa bil-kbir setturi oħra fl-ekonomija bħal ma huwa dak tat-turiżmu u dak finanzjarju. Barra l-aspett soċjali. Dawn is-setturi jħaddmu numru konsiderevoli ta’ ħaddiema li huma membri tal-Union.

Barra hekk trid tara ukoll l-effett ħolistiku fuq is-soċjetà u l-ekonomija Maltija.
Bugeja qalilna li l-ġimgħa d-dieħla għandhom laqgħa mal-impjegati biex jagħtuhom l-aħħar informazzjoni u jinsisti li għalih importanti li jibqa’ f’kuntatt kontinwu mal-ħaddiema u jkun fosthom f’dan iż-żmien diffiċli.

Sfidi fil-ġejjieni
Dwar x’jaħseb li huma l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU jwieġeb ċar u tond li l-ħaddiem jeħtieġ iżid l-abilitajiet tiegħu u ma jista’ qatt jgħid li tgħallem biżżejed għax ma jafx x’opportunità jista’ jsib ma’ wiċċu fil-futur.

Huwa jinsisti li bħala pajjiż irid ikun hemm aktar sinerġija bejn l-ekonomija u l-edukazzjoni biex ikollna riżors uman imħarreġ biżżejjed biex jimla’ dawk il-vakanzi li qed ikun hawn fis-suq u ma jerġax jiġrilna kif ġara meta nfetħu opportunitajiet fl-avjazzjoni u ma kellnix nies biżżejjed.

“Irridu naraw ħames snin oħra x’riżors uman se jkollna bżonn. Illum hawn domanda enormi għax-xjenza u s-snajja u jekk l-investituri ma jsibux ir-riżors uman jistgħu jmorru x’mkien fejn joffrulhom dan. Dak il-biża’ tiegħi ... li jkun se jsir investiemnt Malta u l-ħaddiem ma jkunx imħarreġ biżżejjed”.
Sfida oħra hija li fil-ġejjieni, f’dinja fejn l-ekonomija hija globalizzata u kkonċentrata fuq il-kapital jeħtieġ li naraw li f’Malta jkun hawn ġustizzja soċjali. Tema li fl-aħħar mill-aħħar hija s-sies tal-GWU.

“Dawn huma l-prinċipji tagħna mhux l-individwaliżmu. Nemmen li filwaqt li jien nimxi ‘l quddiem lilek inwieżnek biex ukoll timxi ‘l quddiem. Għalhekk ma naqbilx mal-politika neo-liberali. Għax l-individwu jirrenja fuq kollox. Ma nħossnix komdu li nimxi ‘l quddiem u naf li hemm faxex kbar ta’ nies li għadhom jgħixu fil-faqar. Nixtieq nara soċjetà inklussiva u maqgħuda. Mhux il-membri tagħna biss rrid li jimxu ‘l quddiem, iżda s-soċjeta kollha”, jisħaq jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Sunday 11 September 2016

Parti mill-banda tal-Pulizija ta' Malta f'Rockestra 2016 - It's a long way to the top (AC/DC)

Fl-edizjoni ta' Rockestra 2016 ħadu sehem ukoll membri tal-Korp tal-Pulizija. Il-mużiċisti permezz tal-bagpipes kienu parti mill-Gran Finale bid-diska It's a long way to the top (If you wanna Rock & Roll) li oriġinarjament hija kantata mill-grupp Awstraljan Hard Rock AC/DC. Fil-fatt din id-diska hija l-ewwel diska tal-album TNT li kien ħareġ il-grupp lura f'Diċembru tal-1975.

 

Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:



Friday 9 September 2016

Pulizija li jilbsu l-'body-cams' inaqsu l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom bit-33 fil-mija


Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1044866538962864/

Sat-tmien tas-sena 2016 il-Metropolitan Police se tintroduċi 22,000 body-worn cameras lill-maġġoranza tal-Pulizija front-line li se jintużaw madwar il-pajjiz kollu.

Minn studju li sar, l-aktar li kienu effettivi l-body-cams kienu f'dawk il-każijiet ta' reat nkonnessjoni ma' vjolenza domestika. Każ partikolari kien meta waslu l-Pulizija fuq ix-xena u raġel ta daqqa ta' ponn u daqqa ta' taġen f'wiċċ il-mara fil-preżenza tat-tfal minorenni. Filwaqt li l-mara kienet ikkoperat mal-Pulizija dak il-ħin, eventwalment riedet twaqqa l-akkużi billi ma tagħtix ix-xhieda tagħha fil-Qorti. Bis-saħħa tal-filmati miġbuda l-każ seta' jkompli jinstema' u l-Maġistrat kellu stampa ċara tal-gravita tar-reat, inkluż jinstema' l-għajjat tat-tfal tal-vittma.

Iżda dan mhux l-unika vantaġġ tal-body-cams,  ġew pruvati diversi allegazzjonijiet foloz li saru fil-konfront tal-Pulizija, tnaqqset l-attitudni oppressiva mill-Pulizija, partikolarment f' roadblocks u searches, kif ukoll  l-evidenza li bdiet ittella' l-Pulizija fil-Qrati bdiet tkun ferm aktar b'saħħitha. Meta l-Pulizija jilbsu l-body-cams l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom naqsu bi 33 fil-mija.



Wednesday 7 September 2016

Telefonata ta' mara ta' membru tal-Korp tal-Pulizija Live fuq F Living TV


Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1043650935751091/

Illum 7 ta' Settembru 2016 waqt programm live fuq F Living TV il-preżentatur beda juri xi ritratti li ġew iċċirkulati fil-midja soċjali, fost dawn ir-ritratt kien hemm wieħed ta' Pulizija fuq arblu u kollega tiegħu iżommu. Meta kien iċċirkulat dan ir-ritratt ħafna nies kienu għaddew diversi kummenti umoristiċi u ħafna provaw jirredikolaw il-Pulizija f'dan ir-ritratt.

Fil-programm ċemplet il-mara ta' wieħed minn dawn il-Pulizija li kien fir-ritratt fejn tat spjega għaliex kien qiegħed fuq l-arblu. Jekk wieħed jinnota sewwa r-ritratt jara li kien hemm mera u din ma kenitx fil-pożizzjoni li suppost tkun, kawża t'hekk setgħu ġew ikkawżati diversi aċċidenti tat-traffiku. Il-Pulizija fir-ritratt minflok irraġunaw li dik mhux responsabbilità tagħhom, ħadu l-inizjattivà li jirranġawha huma minn jheddhom sabiex jipprevjenu li jsiru aktar aċċident fuq il-post.

Sa' qabel illum ma konniex nafu x'kienet ir-raġuni li tela' hemm fuq, issa nisperaw li n-nies jappreżżaw il-ġest li għamelu dawn il-Pulizija.

Prosit tassew!

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri fuq F Living TV nhar l-Erbgħa 7 ta' Settembru 2016

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri intervistat mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon F Living TV Live nhar l-Erbgħa 7 ta' Settembru 2016

Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1043620995754085/




Tuesday 6 September 2016

Solidarjetà minn membri tal-Korp tal-Pulizija u membri tal-pubbliku mal-Ispettur Sandro Camilleri



    Illum 6 ta' Settembru l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ħarġet stqarrija fejn attakkat personali lill-Ispettur Sandro Camilleri għax qed ikun il-vuċi tal-membri tal-Korp. Wara l-ewwel sigħat tal-isqarrija kemm l-Ispettur Camilleri personali kif ukoll ġewwa l-uffiċċju tal-unjin daħlu ammont kbir ta' messaġġi u telefonati ta' solidarjetà favur l-Ispettur Camilleri

    Dan kollu nqala wara li l-Ġimgħa 2 ta' Settembru l-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri għamel stqarrija viżiva flimkien mal-Viċi President tal-unjin li se tkun sospiża direttiva li kienet għamlet l-unjin f'Ġunju li għadda. Id-direttiva kienet tgħid biex il-membri fi ħdan il-POU GWU ma jħallsux il-kontribuzzjoni li l-membri tal-Korp huma obbligati jħallsu kull tlett xhur.

    Wara li ġiet imwaqqfa l-POU GWU mill-ewwel riedet tkun taf fejn qed imorru dawn il-flus u jekk kienx amministrat skont il-liġi. Irriżulta li dan il-fond ma kienx amministrat skond il-liġi u spiċċa jiġi investigat mill-IAID. Wara diversi diskussjonijiet mal-Kummissarju preżenti instabet soluzzjoni sabiex dan il-fond jiġi amministrat b'mod trasparenti.

    Jidher li dan l-aħħar ammont konsiderevoli ta' membri tal-Korp kienu qed jikkritikaw lill-MPA talli mhux qed jitkellmu dwar il-problemi u d-diffikultajiet li jgħaddu minnhom il-membri fi ħdan il-Korp. Fil-fatt fl-aħħar ġimgħat mhux biss ħafna mill-membri tal-Korp ġeddew li sħubija tagħhom fil-POU GWU, iżda daħlu ħafna membri ġodda li tkellmu apertament li mhux sodifatti mill-ħidma tal-MPA.

    Il-kumitat Ċentrali tal-POU GWU qed jagħtu pubblikament is-solidarjetà lill-President tagħhom u jħeġġuh ikompli jkun il-vuċi tal-membri tal-Korp għax fadal ħafna xogħol xi jsir.

Sunday 4 September 2016

"Is-sistema legali falliet" - L-Ispettur u President tal-POU-GWU Sandro Camilleri



Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1041767072606144/

Fid-dawl tar-reati kriminali li fl-aħħar snin ikkaratterizzaw il-lokalità ta' San Ġiljan u l-mekka tad-divertiment, Paceville, il-gazzetta IT-TORĊA ltaqgħet mal-Ispettur u President tal-POU-GWU Sandro Camilleri.

Dan il-ġurnal staqsa lil Camilleri dwar il-veduti tiegħu quddiem dan il-"kjass" f'din il-lokalità.

Bla kantunieri, l-Ispettur qal li, "is-sistema legali ta' pajjiżna falliet u qed tkompli tfalli kontinwament."

Huwa semma' każi fejn akkużat, għax ikun ingħata sentenza sospiża, jqies dan id-detriment bħala xejn mhu xejn. "Għandna l-idea li biex wieħed iħallas għal għemilu jrid imur bilfors il-ħabs...dan ifisser li fallejna." Żied jgħid li huwa importanti li nagħtu s-saħħa lill-Pulizija u ninvestu fihom, iżda bla dubju trid tkun irranġata s-sistema legali.

"Il-Qrati, is-sistema legali, il-Gvern u l-leġiżlazzjoni, trid tkun ħarxa, anke fuq reati żgħar."

Paceville - Post ta' divertiment uniku li sar rebus

"Paceville sar rebus." Camilleri stqarr li dan il-post sar rebus sforz in-nuqqas ta' prekawzjonijiet li suppost qegħdin fis-seħħ iżda mhux qed jittieħdu.

"Paceville huwa unika fl-Ewropa jekk mhux fid-dinja, minħabba l-konċentrazzjoni kbira ta' stabbilimenti ta' divertiment li jinsabu f'post relativament żgħir." Huwa qal li, minħabba f'hekk, huwa importanti  li l-pajjiż jikkunsidra l-infurzaw neċessarju.

L-Ispettur kompla jispjega li raġuni oħra li ssaħħaħ il-ħtieġa tal-infurzar hija, l-libertà li l-kriminalità jista' jkollha f'postijiet bħal dawn. "Huwa ovvju li fejn hemm attività bħal din, teżisiti l-possibbilità li se jseħħu diversi reati kriminali."

"Ir-realtà hija li, il-pulizija fil-lokalità ta' San Ġiljan ġew qishom pupazzi, minn jiġbidom l'hawn u minn jiġbidhom l'hemm."

Punt ieħor li qajjem l-Ispettur kien l-inferjorità tal-uniformi li Pulizija  stazzjonati f'San Ġiljan ikollhom jilbsu. Camilleri spjega li dawn il-pulizija  mhumiex mgħammra b'apparat neċessarju bħal, taser gun u pepper spray.

Huwa aċċenna li, "il-kriminali hekk jieħdu gost, jaraw lill-Korp tal-Pulizija bla saħħa u bla sinsla, ħalli jagħmlu li jridu."

Ta' min isemmi li bħala POU, ilha għal diversi xhur issostni li hemm bżonn skwadra ta' Pulizija li tkun speċifikament għal Paceville biss. Dawn għandhom ikunu "attrezzati, b'night vests għal kontra l-imwies, armati b'taser guns u pepper sprays, kif ukoll body cams."

Rigward l-użu tal-body cams, l-Ispettur Camilleri, qal li fil-passat kien hemm sidien ta' lukandi li avviċinawh personalment u offrew li jħallsu dan l-apparat minn bwiethom. Minkejja dan, sfortunament, kemm il-Korp kif ukoll amministrazzjonijiet preċidenti fil-Gvern, irrifjutaw din l-offerta.

Fil-fehma tal-Ispettur, din id-deċiżjoni baqgħet tippersisti minħabba l-fatt li l-kameras "jikxfu d-dnub, sew jekk jiżbalja persuna daqstant ieħor jekk jiżbalja Pulizija."

Huwa spjega li l-kameras huma investiment importanti għall-Korp, "għax jissalvagwardjaw ix-xogħol tal-Pulizija u jxejnu l-gideb li jista' jintqal fil-konfront tagħhom."

Camilleri għamilha ċara li dawn mhumiex biżejjed. "Inutli li jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri, imbagħad meta jitressaq quddiem il-ġustizzja jingħata sentenza miżera."

Matul l-intervista l-President tal-POU-GWU, ikkonferma ma' din il-gazzetta li f'pajjiżna kien hawn żieda ta' reati li kkommettewhom individwi ta' nazzjonalità barranija. Fil-fatt, huwa spjega li fil-lokalità ta' San Ġiljan qed jinħolqu "ghettos", bil-Pulizija kontinwament tipprova tinfiltrahom u timmaterjalizzahom.

Sussegwentament dawn il-fatturi negattivi qed iwasslu biex membri tal-Pulizija, ma jħossuhomx komdi li jkunu stazzjonati f'din il-lokalità jew f'Paceville. Fattur ewlieni jkun l-abbuż kontinwu li jsofru mill-pubbliku.

Bżonn ta' aktar sinerġija bejn il-Pulizija u l-bouncers

IT-TORĊA staqsiet lill-Ispettur dwar is-sitwazzjoni tal-bouncers. Fil-passat din il-gazzetta, kif ukoll il-ġurnal L-ORIZZONT ippubblikaw stejjer ta' reati fejn bouncers sawtu individwi f'Paceville.

Fid-dawl ta' dan, l-Ispettur Camilleri, qal li xogħol il-bouncer mhuwiex li jsawwat iżda li jieħu ħsieb t-trankwilità fl-istabbiliment. "Aħna qatt ma mhu se naċċettaw li bouncer jagħti xeba lil individwu għal xejn, kif fil-fatt ġara fix-xhur li għaddew," stqarr magħna Camilleri. Kompla jgħid li l-bouncer irid jimxi id f'id mal-Pulizija biex tikber aktar is-sinerġija bejn iż-żewġ partijiet.

Spjegalna li hija realtà li ħafna mill-bouncers mhumiex regolati u għandhom kondotta maħmuġa, "dan m'għandux ikun hekk."

Camilleri għarrafna li qed isiru aktar spezzjonijiet fl-istabbilimenti, saħansitra qed ikun diskuss xi tibdil fil-liġi tal-bouncers. Minkejja dawn il-każi, l-Ispettur qal li bħal kull settur ieħor, hemm bouncers li huma dedikati f'xogħlhom u li jagħmluh b'serjetà u professjonalità.

Mhux se nittoleraw aktar swat fuq il-Pulizija...Issa żżejjed!

F'ċertu każi, minkejja li l-Pulizija jkunu qed jagħmlu l-qagħdi ta' dmirijiethom, dawn jisfaw aggrediti minn min ikun qed jiġi ddixxiplinat.

L-Ispettur, semma diversi każi fejn Pulizija sfaw mweġġa, b'konsegwenza li għal diversi ġranet spiċċaw b'impediment fiżiku. Aċċena li hemm bżonn ta' deterrenti akbar għal dawk in-nies li jerfgħu idejhom fuq il-Pulizija, "għax issa żżejjed."

Camilleri appella lill-poplu Malti u l-Awtoritjiet biex "jieħdu ħsieb" lill-Korp tal-Pulizija. "Mingħajr id-dixxiplina tal-Korp, il-pajjiż jispiċċa f'rebus sħiħ," temm jgħid l-Ispettur Sandro Camilleri.

Saturday 3 September 2016

PS Brian Mifsud jsalva tliet persuni min-nar f'dar f'Tas-Sliema - Prosit Surġent!


Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
Azzjoni f'waqtha minn Surġent tal-Pulizija stazzjonat fl-għassa ta' Tas-Sliema, wasslet biex tliet turisti Franċiżi - żewġt tfajliet u ġuvni - nħarġu bla ma ġralhom xejn mill-appartament tagħhom fejn il-kċina kienet qed tieħu n-nar.

Il-każ seħħ il-Ġimgħa filgħaxija. Is-Surġent Brian Mifsud spjega lil TVM li fl-għassa daħal raġel jirrapporta li hemm f'appartament fi triq Rodolfu, ftit il-bogħod mill-għassa.

"Dħalt fil-flat u sibt tliet persuni ġewwa. Sibt borma tieħu n-nar u anke kienet qed tieġu n-nar l-għamara. Ikkalmajt lit-tliet persuni għax kienu fi stat ta' paniku, ħriġthom 'il barra biex ikunu f'post safe."

Is-Surġent Mifsud reġa' daħal fl-appartament biex jitfi n-nar.

"Kienet se ssir aktar ħsara u anke jkun hemm periklu għan-nies. Użajt xugaman u fire extinguisher biex stajt nitfi u fgajtu permezz ta' fire extinguisher."

Is-Suġent Mifsud ittieħed l-Isptar Mater Dei minħabba li bela' xi duħħan, wara li ngħata l-kura ntbagħat id-dar