Wednesday 15 March 2017

Il-POU-GWU tipparteċipa fil-konferenza tal-ETUC li qed issir bħalissa f'Malta

 

Fl-ewwel konferenza li l-ETUC organizzat f'Malta l-POU-GWU kienet mistiedna bis-saħħa tal-affiljazzjoni tagħha fi ħdan il-GWU

Fi ftit ktar minn sentejn minn meta l-Pulizija ġew mogħtija d-dritt li jistgħu jissieħbu fi trejd unjin tal-għażla tagħhom l-POU-GWU diġa qed tidħol fil-fora trejdunjonistika Ewropeja. Minkejja li fil-bidu kien hawn xi ftit kontroversja jekk unjins tal-Pulizija għandhomx jaffiljaw ruħhom ma' konfederazzjonijiet bħalma hija l-GWU, illum il-ġurnata ż-żmien qed jagħti raġun li kienet deċizzjoni għaqlija u tajba.

Bis-saħħa ta' l-affiljazzjoni tagħha fi ħdan il-GWU, il-POU qed tipparteċipa f'diversi konferenzi u taħriġ, kif ukoll qed tikseb esperjenzi u kuntatti ġodda. F'din il-konferenza li qed issir fuq jumejn għan-nom tal-POU-GWU qed jieħdu sehem il-President l-Ispettur Sandro Camilleri u l-Viċi President is-Surġent Theo Vella.

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja waqt li jindirizza konferenza internazzjonali li qed tittella mill-General Workers Union

Waqt il-ftuħ tal-konferenza tal-‘European Trade Union Confederation’, li qed issir f’pajjiżna, u qed tittella mill-General Workers’ Union, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-prekarjat f’pajjiżna qed jiġi eredikat grazzi għall-miżuri li qed jiddaħħlu mill-Gvern, u li ġew proposti mill-GWU.

Is-Segretarju Ġenerali kompla jgħid li hekk kif resqin lejn is-60 anniversarju tat-trattat tal-Unjoni Ewropea, it-trejdujins għandhom opportunità enormi biex jieqfu, u jaħsbu x’sar fl-aħħar 60 sena, u kemm għad fadal xi jsir biex inkomplu ntejbu l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. 

Fl-aħħar snin, l-ETUC ħadmet qatiħ għal xogħolijiet ta’ kwalità, drittijiet tal-ħaddiema, u soċjetà ġusta.

Bħalissa f’Malta, kompla jispjega Bugeja, qed nesperjenzaw tkabbir ekonomiku robust. Dan wasal grazzi għad-diversi miżuri inċentivi li ddaħħlu fl-aħħar snin, bħall-‘in work benefits’, iċ-child care b’xejn, it-tapering tal-benefiċċji soċjali, il-garanzija għaż-żgħażagħ, u l-inċentivi għall-persuni b’diżabilità. Dawn l-inċentivi, qal hu, għenu biex jitnaqqas il-faqar, filwaqt li permezz tagħhom daħlu iktar nies fid-dinja tax-xogħol.

Is-Segretarju Ġenerali saħaq li bħala unjin, il-GWU tinsab għaddeja fi ġlieda kontra l-prekarjat. Lil hinn mis-setturi li mdorrijin naraw il-prekarjat fihom, bħal dawk tal-‘cleaning’, ‘security,’ u kura, il-unjin embarkat fuq ġlieda biex tnaddaf is-setturi kollha. Infatti, diversi miżuri li ddaħħlu minn dan il-Gvern kienu miżuri proposti mill-GWU, flimkien ma’ unjins oħrajn.

Flimkien ma’ dan, issa kumpaniji li jinqabdu li qed iħaddmu lill-ħaddiema tagħhom bi kwalunkwe tip ta’ prekarjat, qed jiġu blacklisted. Dan imbgħad iwassal biex dawn ma jeħdux tenders tal-Gvern.

Bugeja kompla jgħid li l-għan tal-GWU mhijiex li żżid biss il-pagi, iżda li nintroduċu l-kunċett ta’ living wage. “Aħna nemmnu li biex soċjetà tkun ġusta, kull ċittadin irid ikollu għajxien diċenti, b’kull ħaddiem b’paga diċenti, u kull penzjonant b’penzjoni diċenti,” elenka Josef Bugeja.

Il-ħaddiema għandhom dritt għall-istess paga, meta jagħmlu l-istess xogħol, dan għandu jkun il-punt tat-tluq f’kull diskussjoni.

Bugeja temm jgħid li s-solidarjetà “hi ċ-ċentru ta’ kull trade union, u li għandha naraw li nżommu dan il-valur f’moħħna meta nkunu qed niddiskutu għal benefiċċju tal-ħaddiema.”

 

 

 

No comments:

Post a Comment