Monday 27 March 2017

F'saħħitna maż-żgħir, dgħajfa mal-kbir!



 
Diversi membri tal-Korp tal-Pulizija llum infurmawna li bdew jirċievu n-notifika biex jgħaddu proċeduri dixxiplinarji peress li hemm min għadu ma ħallasx il-kontribuzzjoni tax-xahar ta' Diċembru. Il-POU-GWU kienet issospendiet id-direttiva li ħarġet f'Ġunju tas-sena l-oħra, dan wara li l-Kummissarju preżenti aċċetta li jkun hemm kumitat kompost minn rappreżentanti tal-ħaddiema, penzjonanti u l-amministrazzjoni tal-Korp biex isir monitoring tal-fond u li l-flus jitqassmu b'mod li jgawdi minnhom kulħadd b'mod ekwu u ġust. 

Fost il-membri tal-Korp li qed jirċievu n-notifika li se jittieħdu passi dixxiplinarji kontra tagħhom hemm ammont sostanzjali ta' membri li għandhom irċevuta li tali kontribuzzjoni ħallsuha. Dan juri ċar it-taħwid li għad hemm fil-ġbir tal-fondi kif kien indika r-rapport tal-Awditur Ġenerali li kien pubblikat f'Novembru li għadda.

Mill-mistoqsijiet li saru mir-rappreżentant tal-POU-GWU fil-kumitat inkwistjoni ma jidhirx li hemm rieda li tittieħed azzjoni fil-konfront ta' min kien responsabbli tal-illegalitajiet li saru qabel l-2015. Ta' min ifakkar li qabel daħal id-dritt li l-membri tal-Korp jissieħbu fi trejd unjin tal-għażla tagħhom lanqas kien isir l-awditjar skont il-liġi u m'hemmx rendikonti fejn kienu jmorru l-flus. Kien biss wara li l-POU-GWU staqsiet lill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u eventwalment ħarġet direttiva li l-membri tagħha ma jħallsux il-kontribuzzjoni li kellu jibda' jsir l-awditjar.

Minn informazzjoni miksuba fil-kumitat kompost qed joħroġ ċar li hemm żbilanċ qawwi kif jitqassmu l-flus fil-parties li jsiru fil-Police Day u l-Milied. Fil-party tal-uffiċjali (minn Spettur 'il fuq) qed ikun hemm nefqa ta' madwar €6,000 għal inqas minn 150 ruħ, filwaqt li fil-party tal-other ranks (minn Maġġur 'l isfel) qed ikun hemm nefqa ta' madwar €8,000 għal aktar minn 1,800 ruħ. Minflok isiru parties fejn ikunu mistiedna l-membri kollha tal-Korp b'nefqa ferm inqas, qed isiru separati bħal li kieku hija xi ħaġa tal-mistħija li Surġent jew Kuntistabbli jkun fl-istess okkazzjoni mal-uffiċjal superjur tiegħu. Dan kollu jfisser li fil-parties tal-uffiċjali qed tintnefaq is-somma ta' madwar €40 fuq kull membru, filwaqt li fil-parties tal-uffiċjali l-oħra qed tintnefaq is-somma ta' madwar €4.50 fuq kull membru.

Il-POU-GWU ma kelliex ħsieb li toħroġ ċertu dettalji qabel tipprova tinstab soluzzjoni madwar il-mejda, iżda jidher li fl-amministrazzjoni tal-Korp hemm elementi li jridu t-triq tal-konfrontazzjoni. Minn informazzjoni li tawna diversi membri jidher li kien hemm uffiċċjali għolja fil-Korp li bdew iċemplu personalment jheddu li l-kontribuzzjoni ta' Diċembru trid titħallas minnufih. Dan kollu jistona ħafna meta sal-lum ma ttieħdu ebda proċeduri fil-konfront tal-ksur ta' liġi fl-istess fond qabel is-sena 2015.

Il-membri tal-POU-GWU li għadhom ma ħallsux il-kontribuzzjoni ta' Diċembru għandhom iħallsuha, iżda jekk naraw li din l-attitudni t'arroganza, diskriminazzjoni u inġustizzja tkompli tippersisti ma jkollniex triq oħra ħlief nieħdu l-azzjonijiet neċessarji fi żmien mhux il-bogħod.

No comments:

Post a Comment