Monday 27 March 2017

F'saħħitna maż-żgħir, dgħajfa mal-kbir!



 
Diversi membri tal-Korp tal-Pulizija llum infurmawna li bdew jirċievu n-notifika biex jgħaddu proċeduri dixxiplinarji peress li hemm min għadu ma ħallasx il-kontribuzzjoni tax-xahar ta' Diċembru. Il-POU-GWU kienet issospendiet id-direttiva li ħarġet f'Ġunju tas-sena l-oħra, dan wara li l-Kummissarju preżenti aċċetta li jkun hemm kumitat kompost minn rappreżentanti tal-ħaddiema, penzjonanti u l-amministrazzjoni tal-Korp biex isir monitoring tal-fond u li l-flus jitqassmu b'mod li jgawdi minnhom kulħadd b'mod ekwu u ġust. 

Fost il-membri tal-Korp li qed jirċievu n-notifika li se jittieħdu passi dixxiplinarji kontra tagħhom hemm ammont sostanzjali ta' membri li għandhom irċevuta li tali kontribuzzjoni ħallsuha. Dan juri ċar it-taħwid li għad hemm fil-ġbir tal-fondi kif kien indika r-rapport tal-Awditur Ġenerali li kien pubblikat f'Novembru li għadda.

Mill-mistoqsijiet li saru mir-rappreżentant tal-POU-GWU fil-kumitat inkwistjoni ma jidhirx li hemm rieda li tittieħed azzjoni fil-konfront ta' min kien responsabbli tal-illegalitajiet li saru qabel l-2015. Ta' min ifakkar li qabel daħal id-dritt li l-membri tal-Korp jissieħbu fi trejd unjin tal-għażla tagħhom lanqas kien isir l-awditjar skont il-liġi u m'hemmx rendikonti fejn kienu jmorru l-flus. Kien biss wara li l-POU-GWU staqsiet lill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u eventwalment ħarġet direttiva li l-membri tagħha ma jħallsux il-kontribuzzjoni li kellu jibda' jsir l-awditjar.

Minn informazzjoni miksuba fil-kumitat kompost qed joħroġ ċar li hemm żbilanċ qawwi kif jitqassmu l-flus fil-parties li jsiru fil-Police Day u l-Milied. Fil-party tal-uffiċjali (minn Spettur 'il fuq) qed ikun hemm nefqa ta' madwar €6,000 għal inqas minn 150 ruħ, filwaqt li fil-party tal-other ranks (minn Maġġur 'l isfel) qed ikun hemm nefqa ta' madwar €8,000 għal aktar minn 1,800 ruħ. Minflok isiru parties fejn ikunu mistiedna l-membri kollha tal-Korp b'nefqa ferm inqas, qed isiru separati bħal li kieku hija xi ħaġa tal-mistħija li Surġent jew Kuntistabbli jkun fl-istess okkazzjoni mal-uffiċjal superjur tiegħu. Dan kollu jfisser li fil-parties tal-uffiċjali qed tintnefaq is-somma ta' madwar €40 fuq kull membru, filwaqt li fil-parties tal-uffiċjali l-oħra qed tintnefaq is-somma ta' madwar €4.50 fuq kull membru.

Il-POU-GWU ma kelliex ħsieb li toħroġ ċertu dettalji qabel tipprova tinstab soluzzjoni madwar il-mejda, iżda jidher li fl-amministrazzjoni tal-Korp hemm elementi li jridu t-triq tal-konfrontazzjoni. Minn informazzjoni li tawna diversi membri jidher li kien hemm uffiċċjali għolja fil-Korp li bdew iċemplu personalment jheddu li l-kontribuzzjoni ta' Diċembru trid titħallas minnufih. Dan kollu jistona ħafna meta sal-lum ma ttieħdu ebda proċeduri fil-konfront tal-ksur ta' liġi fl-istess fond qabel is-sena 2015.

Il-membri tal-POU-GWU li għadhom ma ħallsux il-kontribuzzjoni ta' Diċembru għandhom iħallsuha, iżda jekk naraw li din l-attitudni t'arroganza, diskriminazzjoni u inġustizzja tkompli tippersisti ma jkollniex triq oħra ħlief nieħdu l-azzjonijiet neċessarji fi żmien mhux il-bogħod.

Tuesday 21 March 2017

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri fuq F Living TV nhar it-Tnejn 20 ta' Marzu 2017

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri intervistat mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon F Living TV Live nhar it-Tnejn 20 ta' Marzu 2017


Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1233984500051066/

Wednesday 15 March 2017

Il-POU-GWU tipparteċipa fil-konferenza tal-ETUC li qed issir bħalissa f'Malta

 

Fl-ewwel konferenza li l-ETUC organizzat f'Malta l-POU-GWU kienet mistiedna bis-saħħa tal-affiljazzjoni tagħha fi ħdan il-GWU

Fi ftit ktar minn sentejn minn meta l-Pulizija ġew mogħtija d-dritt li jistgħu jissieħbu fi trejd unjin tal-għażla tagħhom l-POU-GWU diġa qed tidħol fil-fora trejdunjonistika Ewropeja. Minkejja li fil-bidu kien hawn xi ftit kontroversja jekk unjins tal-Pulizija għandhomx jaffiljaw ruħhom ma' konfederazzjonijiet bħalma hija l-GWU, illum il-ġurnata ż-żmien qed jagħti raġun li kienet deċizzjoni għaqlija u tajba.

Bis-saħħa ta' l-affiljazzjoni tagħha fi ħdan il-GWU, il-POU qed tipparteċipa f'diversi konferenzi u taħriġ, kif ukoll qed tikseb esperjenzi u kuntatti ġodda. F'din il-konferenza li qed issir fuq jumejn għan-nom tal-POU-GWU qed jieħdu sehem il-President l-Ispettur Sandro Camilleri u l-Viċi President is-Surġent Theo Vella.

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja waqt li jindirizza konferenza internazzjonali li qed tittella mill-General Workers Union

Waqt il-ftuħ tal-konferenza tal-‘European Trade Union Confederation’, li qed issir f’pajjiżna, u qed tittella mill-General Workers’ Union, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-prekarjat f’pajjiżna qed jiġi eredikat grazzi għall-miżuri li qed jiddaħħlu mill-Gvern, u li ġew proposti mill-GWU.

Is-Segretarju Ġenerali kompla jgħid li hekk kif resqin lejn is-60 anniversarju tat-trattat tal-Unjoni Ewropea, it-trejdujins għandhom opportunità enormi biex jieqfu, u jaħsbu x’sar fl-aħħar 60 sena, u kemm għad fadal xi jsir biex inkomplu ntejbu l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. 

Fl-aħħar snin, l-ETUC ħadmet qatiħ għal xogħolijiet ta’ kwalità, drittijiet tal-ħaddiema, u soċjetà ġusta.

Bħalissa f’Malta, kompla jispjega Bugeja, qed nesperjenzaw tkabbir ekonomiku robust. Dan wasal grazzi għad-diversi miżuri inċentivi li ddaħħlu fl-aħħar snin, bħall-‘in work benefits’, iċ-child care b’xejn, it-tapering tal-benefiċċji soċjali, il-garanzija għaż-żgħażagħ, u l-inċentivi għall-persuni b’diżabilità. Dawn l-inċentivi, qal hu, għenu biex jitnaqqas il-faqar, filwaqt li permezz tagħhom daħlu iktar nies fid-dinja tax-xogħol.

Is-Segretarju Ġenerali saħaq li bħala unjin, il-GWU tinsab għaddeja fi ġlieda kontra l-prekarjat. Lil hinn mis-setturi li mdorrijin naraw il-prekarjat fihom, bħal dawk tal-‘cleaning’, ‘security,’ u kura, il-unjin embarkat fuq ġlieda biex tnaddaf is-setturi kollha. Infatti, diversi miżuri li ddaħħlu minn dan il-Gvern kienu miżuri proposti mill-GWU, flimkien ma’ unjins oħrajn.

Flimkien ma’ dan, issa kumpaniji li jinqabdu li qed iħaddmu lill-ħaddiema tagħhom bi kwalunkwe tip ta’ prekarjat, qed jiġu blacklisted. Dan imbgħad iwassal biex dawn ma jeħdux tenders tal-Gvern.

Bugeja kompla jgħid li l-għan tal-GWU mhijiex li żżid biss il-pagi, iżda li nintroduċu l-kunċett ta’ living wage. “Aħna nemmnu li biex soċjetà tkun ġusta, kull ċittadin irid ikollu għajxien diċenti, b’kull ħaddiem b’paga diċenti, u kull penzjonant b’penzjoni diċenti,” elenka Josef Bugeja.

Il-ħaddiema għandhom dritt għall-istess paga, meta jagħmlu l-istess xogħol, dan għandu jkun il-punt tat-tluq f’kull diskussjoni.

Bugeja temm jgħid li s-solidarjetà “hi ċ-ċentru ta’ kull trade union, u li għandha naraw li nżommu dan il-valur f’moħħna meta nkunu qed niddiskutu għal benefiċċju tal-ħaddiema.”

 

 

 

Saturday 11 March 2017

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri fuq F Living TV nhar il-Ġimgħa 10 ta' Marzu 2017

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri intervistat mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon F Living TV Live nhar il-Ġimgħa 10 ta' Marzu 2017


Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
 https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1224363747679808/

STQARRIJA - Tgħawwiġ ta' fatti mill-Malta Independent u Net News

 
Il-bieraħ 10 ta' Marzu filgħodu kmieni l-ġurnal online www.independent.com.mt tella' intervista li l-preżentatur Pierre Portelli għamel lill-President tal-POU-GWU l-Ispettur Sandro Camilleri fuq il-programm INDEPTH. L-intervista ppubblikata kienet titratta diversi suġġetti u fost l-oħrajn issemma kemm tagħmel ħsara meta tidħol il-politika partiġjana fuq il-post tax-xogħol, b'nies li ġieli jippretendu li għax ikollhom il-partit li jappoġjaw fil-gvern jippretendu li jagħmlu li jridu. Naturalment dan kien qed jingħad f'kuntest ta' kull żmien u mhux biss għaż-żmien preżenti. 

Minkejja li l-Ispettur Sandro Camilleri kien ċar, it-titlu tal-artiklu online kien 'political influence in police force very big, hinders investigations - Inspector Camilleri'. It-titlu tal-artiklu jtik l-impressjoni li l-President tal-unjin qal li l-politiċi jużaw l-influwenza tagħhom biex jimpedixxu l-membri tal-Korp milli jagħmlu xogħolhom. Kulma kien qal il-President tal-unjin hu li ċertu diskors bejn il-Pulizija dwar politika partiġjana jagħmel aktar ħsara fuq il-post tax-xogħol. Bħala eżempju qal li mill-lum hemm nies li diġa qalulu li jekk jinbidel il-gvern ser jispiċċa Kemmuna.

Ftit sigħat wara kien imiss il-ġurnal online netnews.com.mt miktub minn Mario Frendo li kompla jżid id-doża ta' tgħawwiġ ta' fatti fejn tella' artiklu bit-titlu "l-indħil politiku fil-Pulizija qed jagħmel ħsara kbira - Sandro Camilleri". Prattikament dan il-ġurnal qaleb l-istess verżjoni mill-ingliż għall-Malti bl-istess intenzzjoni ta' qerq biex jagħti x'jifhem li Camilleri qal li l-politiċi ma jħallux lill-Pulizija taħdem kif suppost.

Sfortunatament dawn iż-żewġ ġurnali huma fost l-aktar voċiferi biex jagħmlu kampanja kontra l-korp tal-Pulizija u l-membri fi ħdana. Dan l-aġir huwa kundannabbli u tappella lill-ġurnalisti biex ikunu ġusti fir-rappurtaġġi tagħhom.

Hawn taħt ara dak li verament qal il-President tal-POU-GWU l-Ispettur Sandro Camilleri

Screenshot tal-ġurnal online www.independent.com.mt


Screenshot tal-ġurnal netnews.com.mt

 

 Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt: