Friday 30 June 2017

Resqin lejn tmiem il-Presidenza ta' Malta fl-UE. GRAZZI lill-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija, għamiltuna kburin!


 

Fadal l-aħħar ftit sigħat qabel tintemm il-Presidenza ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u m'hemm ebda dubju li din il-Presidenza kienet suċċess. Presidenza bħal din kienet tirrikjedi l-involviment u ħidma ta' diversi persuni li ġejjin minn kull qasam tas-soċjetà u l-koordinament  bejn dawk kollha involuti wassal għal dan is-suċċess.

Forsi mhux kulħadd jirrealizza jew japprezza, iżda biex din il-Presidenza kienet suċċess kien hemm ħidma ma taqta' xejn mill-forzi tal-ordni kollha fil-pajjiz. Minn hawn il-POU-GWU tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha nvoluti f'din il-ħidma, iżda b'mod partikolari lill-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija. Titgħaxxaq tisma' kummenti dwar kemm il-Pulizija kollha nvoluti ħadmu b'dedikazzjoni u professjonalità waqt il-Presidenza. Tieħu pjaċir aktar meta tismagħha minn persuni distinti barranin li żgur ma jkollhom ebda aġenda moħbija wara dan il-kliem.

Filwaqt nittamaw li l-aħħar sigħat qabel tmiem il-Presidenza ta' Malta fil-kunsill Ewropew jgħaddu wkoll b'wiċċ il-ġid nixtiequ nagħmlu appell, wieħed indirizzat lill-midja u ieħor lill-gvern tal-ġurnata.

L-ewwel appell tagħna lil xi sezzjonijiet tal-midja huwa biex tieqaf tuża lill-Pulizija għal skopijiet politiċi partiġjani, apparti li dan l-attakk ma wassal għal imkien ħlief li l-aħħar stħarriġ juri li l-midja m'għadhiex kredibbli, għada pitgħada tistgħu tiġu bżonn inthom is-servizz tal-Pulizija.

It-tieni appell indirizzat lejn il-gvern tal-ġurnata, minn hawn infakkruh biex waqt in-negozjati għall-ftehim settorjali ġdid għall-Korp tal-Pulizija li se jkomplu fil-ġimgħat li ġejjin, iżomm f'moħħu li mingħajr is-sigurtà fil-pajjiż din il-Presidenza qatt ma setgħet kienet suċċess. Dan ifisser li lil hin mill-kliem t'apprezzament wasal iż-żmien li l-membri tal-Korp tal-Pulzija jkollhom pakkett ta' kundizzjonijiet ferm aħjar minn dak tal-lum.

Waqt li resqin lejn it-tmiem il-Presidenza ta' Malta fl-UE irridu mill-ġdid ngħidu GRAZZI lill-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija. Għamiltuna kburin!

Thursday 22 June 2017

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri fuq F Living TV nhar l-Erbgħa 22 ta' Ġunju 2017

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri intervistat mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon F Living TV Live nhar l-Erbgħa 22 ta' Ġunju 2017


Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
 https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1330833283699520/


Tuesday 13 June 2017

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri fuq F Living TV nhar it-Tlieta 13 ta' Ġunju 2017

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri intervistat mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon F Living TV Live nhar it-Tlieta 13 ta' Ġunju 2017


Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1322090777907104/

Monday 12 June 2017

Tibqa' toħroġ l-umiltà tal-Kummissarju Lawrence Cutajar - Għandek l-appoġġ kollu tagħna - POU-GWU



Dalgħodu l-Kummissarju tal-Pulizija s-sur Lawrence Cutajar bagħat messaġġ lill-membri kollha tal-Korp fejn wera l-apprezzament tiegħu għas-sagrifiċċji li l-membri tal-Korp għamlu fl-aħħar xhur. Fil-messaġġ tiegħu il-Kummissarju Cutajar ħabbar ukoll li apparti li l-membri tal-Korp ser jitħallsu għax-xogħol li għamlu ser jawtorizza wkoll ġurnata off duty (vice).

Il-Kummissrju Cutajar tul l-aħħar xhur kien attakkat kontinwament b'mod inġust u l-POU-GWU kienet l-unika unjin li ħarġet pubblikament turi s-solidarjetà tagħha miegħu. Minn hawn filwaqt li napprezzaw dan il-ġest sabiħ inħarsu 'l quddiem biex inkomplu naħdmu għall-ġid tal-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija.

----------------------------------------------------------------------------------------
IL-MESSAĠĠ TAL-KUMMISSARJU

Kollegi,
Inħossni fid-dmir li nuri l-apprezzament personali tiegħi lil kull wieħed u waħda  minnkom tal-ħidma kbira li għamiltu dawn l-ahhar xhur.  Min jgħix din il-ħidma mill-qrib jaf is-sagrifiċċji kbar li saru u li qegħdin isiru.  Li jkollok impenji matul il-Presidenza u fl-istess ħin tiffaċċja kampanja elettorali mhux ħaġa faċli.  Dan aħna, bħal dejjem, wettaqna din il-ħidma b’impenn kbir u wrejna l-livell għoli ta’ professjonalita’ tan-nies li jħaddan il-Korp tal-Pulizija.  Jiena personali kburi li f’dan il-perjodu ferm impenjattiv kont fit-tmexxija tal-Korp.  Jiena għext u għadni ngħix dawn il-mumenti fil-qrib magħkom.
Jiena nwiegħed li sakemm tagħtini saħħti, ikolli l-fiduċja tal-amministrazzjoni tal-pajjiż u fuq kollox l-appoġġ tagħkom, se nkompli bil-ħidma tiegħi biex inkomplu fit-triq li qbadna ħalli l-Korp tal-Pulizija jkompli miexi ‘il quddiem u jkompli jissaħħaħ fl-istrutturi kollha tiegħu.  Saru ħafna affarijiet imma għad fadal ħafna xi jsir.  Fil-preżent qegħdin f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet kkonċernati biex jiġi mfassal ftehim strutturali ġdid li minnu se jgawdu l-membri kollha tal-Korp.  Dan qiegħed isir bil-parteċipazzjoni diretta taż-żewġ unjins li jirrappreżentawkom.
Bħala turija żgħira t’apprezzament, għalkemm tal-ħinijiet żejda li għamiltu se titħallsu, ser nawtorizza li tingħata off duty (vice) lill-membri kollha tal-Korp.
Nerġa’ minn qalbi nirringrazzjakom u nawgura l-kumplament tal-ħidma t-tajba lil kulħadd.

Lawrence Cutajar
Kummissarju



Thursday 8 June 2017

GRAZZI Onorevoli Ministru Carmelo Abela, MERĦBA Onorevoli Ministru Michael Farrugia

 

Il-POU-GWU tixtieq tirringrazzja lill-Onorevoli Ministru Carmelo Abela għall-ħidma li laħaq wettaq bħala Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali fil-leġiżlatura li għaddiet, filwaqt li nixtiequ nifirħu lill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali ġdid l-Onorevoli Ministru Michael Farrugia għall-kariga ġdida tiegħu.

Għaldaqstant l-ewwel impenn tagħna bħala unjin se tkun dik li jitkomplew in-negozjati għall-ftehim settorjali ġdid sabiex intejbu l-kundizzjonijiet tal-membri tal-Korp tal-Pulizija kollha.

Nawguraw il-ħidma t-tajba lill-Ministri kollha maħtura, iżda b'mod partikolari lill-Ministri Carmelo Abela u Michael Farrugia li ħdimna u rridu nkomplu naħdmu mill-qrib magħhom.

Sunday 4 June 2017

Appell għall-għaqda fost il-membri tal-Korp... minkejja li konxji li sar theddid fuq diversi Pulizija kieku nbidel il-gvern - POU-GWU

 

Issa li huwa ċar min rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali 2017 u bla dubju se jkun hawn diversi ċelebrazzjonijiet fit-toroq Maltin, nixtiequ nappellaw lill-membri tal-Korp sabiex inkomplu bil-ħidma tagħna u nirrispettaw lil xulxin. Nifhmu u konxi mill-fatt li diversi membri tal-Korp ġew mhedda minn membri oħra tal-Korp stess (jew eks membri tal-Korp) li malli jkun hawn bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiz ser ipattuha qares. Nafu wkoll li xi membri tal-Korp għandhom lista ta' membri tal-Korp oħra biex fl-eventwalità li jinbidel il-gvern kienu ser jiġu trasferiti b'mod vendikattiv, fosthom il-persuni msemmija kien hemm l-uffiċjali tal-POU-GWU l-Ispettur Sandro Camilleri u s-Surġent Theo Vella.

Sfortunatament dawn l-insulti u theddid sar ukoll fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija nniffsu minn xi membri parlamentari. Sar ukoll fuq diversi membri tal-unjin u diversi persuni li jaħdmu fiċ-ċivil. Minkejja dan kollu għandna nuru li ma rridux inkunu parti mill-elementi ta' firda u b'ebda mod m'għandna nirritaljaw għal din il-provokazzjoni.

Filwaqt li wieħed jifhem li minkejja aħna membri tal-Korp, aħna wkoll umani. F'dan il-mument ikun hemm min jixtieq joħroġ jiċċelebra għax il-partit li jappoġja jkun rebaħ jew għal kuntrarju jkun hawn min hu dispjaċut u ma jkollu aptit ta' xejn għax il-partit li jappoġja jkun tilef. Għaldaqstant irridu nirrispettaw lil xulxin u nkomplu għaddejin bil-ħidma tagħna lejn is-soċjetà.

Fl-aħħar mill-aħħar wara li jgħaddi kollox irridu nkomplu naħdmu flimkien. Irridu nfakkru lill-membri tagħna li bħalma għamilna f'kemm ilna mwaqqfa bħala unjin ser nibqgħu nagħtu l-aħjar servizz possibbli indipendentament mill-opinjoni politika ta' dak li jkun.

Il-Ħidma t-tajba lil kulħadd!

Hawn taħt wieħed isib uħud mill-insulti li għadda minnhom il-Kummissarju s-sur Lawrence Cutajar. Irridu nfakkru li l-POU-GWU kienet l-unika unjin li wriet is-solidarjetà tagħha mas-sur Cutajar. Dejjem konna ċari li minkejja li jkollna diversi kwistjonijiet dejjem żammejna r-rispett lejh personali u l-kariga li jokkupa.

 
 
 


Il-POU-GWU kienet l-unika unjin li wriet solidarjetá mal-Kummissarju meta kien qed jiġi insulentat.


Friday 2 June 2017

Appell lill-pubbliku biex jikkopera mal-Pulizija - STQARRIJIET IMPORTANTI MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI



 
STQARRIJIET IMPORTANTI MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI: Elezzjoni Ġenerali – 3 ta’ Ġunju, 2017:

Ċertifikati għal min ma jkunx jista’ joqgħod fil-queue

1.         Il-Kummissjoni Elettorali tgħarraf illi fil-ġurnata tal-votazzjoni, persuni li għalqu l-75 sena u dawk li jinġiebu fuq stretchers jew mill-isptarijiet u djar tal-anzjani, għandhom jitħallew jaqbżu l-queue f’kull ħin tal-votazzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ ċertifikat tat-tabib. 

2.         Persuni ta’ età  bejn is-60 u l-75 sena, jitħallew jaqbżu l-queue bejn is-1.00 pm u l-5.00 pm. 

3.         Dawk il-persuni l-oħra li jkunu morda u ma jistgħux jistennew fil-queue irid ikollhom ċertifikat tat-tabib biex jitħallew jaqbżu l-queue u dan wara s-1.00 pm.  Dawk il-persuni li jippreżentaw il-Karta tal-Identità Speċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità jingħataw l-istess faċilità mingħajr ħtieġa ta’ ċertifikat mediku. 

4.         Il-Kummissjoni Elettorali tirċievi applikazzjonijiet mingħand dawk it-tobba li mhumiex kandidati għall-Elezzjonijiet għall-għoti ta’ formoli uffiċjali li jservu bħala ċertifikat mediku għal persuni morda biex jitħallew jaqbżu l-queue waqt il-votazzjoni fil-ħin imsemmi aktar qabel. 

Kull tabib li japplika jingħata ammont ta’ formoli li fuqhom jinkiteb iċ-ċertifikat u dan l-ammont ta’ formoli jista’ jiżdied skont il-ħtieġa.

Votazzjoni

Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar lill-pubbliku li l-ħinijiet tal-votazzjoni nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju 2017, se jkunu bejn is-7.00am u l-10.00pm bla waqfien. Kulħadd għandu jara li jmur fl-indirizz tal-post tal-votazzjoni li hemm miktub fuq id-dokument tal-vot tiegħu.

Fil-kamra tal-votazzjoni jiddaħħlu għaxar votanti li m’għandhomx bzonn għajnuna għal kull votant li jkollu bżonn l-għajnuna tal-assistenti kummissjonarji elettorali biex jivvota.

Il-Kummissjoni Elettorali tgħarraf ukoll li kull persuna li tostakola jew iżżomm l-aċċess ħieles ta’ votant milli jivvota tkun ħati ta’ reat skont il-liġi.​

Votanti li se jsiefru fil-jum tal-votazzjoni

Il-Kummissjoni Elettorali tavża li nhar jum il-votazzjoni, is-Sibt, 3 ta’ Ġunju, 2017, ser tingħata l-faċilità lill-votanti li jkunu ser isiefru f’dan il-jum stess biex jaqbżu l-kju.  Dawn il-persuni għandhom jieħdu magħhom prova dokumentata tas-safar u juruha lill-pulizija inkarigat fiċ-ċentru tal-votazzjoni. 

Projbizzjoni fuq l-użu ta’ apparat tal-video/audio

Il-Kummissjoni Elettorali tavża li l-użu ta’ mobile phones, cameras, jew apparat tal-fotografija huwa projbit fil-postijiet tal-votazzjoni.  Min jinqabad jieħu ritratt/video ikollu l-apparat elevat.