Saturday 15 April 2017

Għamilna dak li kellha tagħmel l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija - POU-GWU

 
Għall-ħabta ta’ nofs Marzu l-POU-GWU rċeviet xi lmenti minn membri fi ħdanha stazzjonati 5PD, uffiċjali tal-unjin marru personalment fuq il-post biex jifhmu aħjar lilment konċernat. Il-problema li kellhom dawn il-membri tal-Korp tirrigwardja fixed point 24/7 li bħalissa qed issir f’hangar fil-Mosta.

F'Ottubru tas-sena l-oħra kien seħħ inċident fejn waqa ajruplan viċin l-ajruport f'Ħal Luqa u mietu ħames persuni, infetħet inkjesta Maġisterjali u ġew nominati diversi esperti dwar il-każ. Eventwalment ġie deċiz li l-fdalijiet tal-ajruplan inkwistjoni jittieħdu u jinżammu ġewwa hangar fil-Mosta għal aktar analizi u stħarriġ ulterjuri.

Il-hangar inkwistjoni fil-passat kien parti mill-fabbrika tal-kumpanija datatrak li ma baqgħetx topera minn hemm u għaldaqstant ma kienx hemm aktar servizz ta' ilma u elettriku. Jidher li wara li ġew trasportati l-esebiti kollha nkwistjoni, l-Qorti talbet sabiex dawn l-esebiti jkunu sorveljati mill-Pulizija 24/7 u anke ġie nstallat servizz temporanju tal-elettriku sabiex l-esebiti jkunu jistgħu jidhru f'kull ħin tal-ġurnata partikolarment bil-lejl.

Għal xi raġuni s-servizz tal-ilma qatt ma kien installat u minkejja li ġo dan il-hangar stess hemm il-faċilitajiet kollha ta' toilets dan ma setax jintuża minħabba n-nuqqas tas-servizz tal-ilma. Il-Pulizija nkwistjoni kienu ilhom jilmentaw mas-superjuri tagħhom dwar dan in-nuqqas u ftit li xejn raw ħeġġa biex tiġi solvuta din il-kwistjoni.

Ladarba l-amministrazzjoni tal-Korp ma ħaditx l-inizjattivà hi biex taħseb għal dan is-servizz minkejja li l-Pulizija konċernati għaddew lilmenti lis-superjuri tagħhom, daħlet direttament il-POU-GWU fil-kwistjoni. Fil-fatt l-unjin għamlet il-kuntatti meħtieġa mal-Water Services Corporation, kif ukoll mal-Qorti. Kien hemm koperazzjoni assoluta kemm mill-Qorti, partikolarment mid-Direttur Ġenerali s-sur Frank Mercieca u d-Direttur Ray Scicluna, kif ukoll mill-WSC. Ta’ min jgħid li kien hemm ġudikant partikolari li minkejja li ma kellu x’jaqsam xejn mal-kwistjoni wkoll ta s-sehem tiegħu fil-kwistjoni sabiex dawn il-Pulizija jkollhom l-elementi bażiċi tagħhom imħarsa. . Fil-fatt is-servizz tal-ilma ġie nstallat nhar il-Ħamis li għadda u l-Qorti ser tagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha.

Filwaqt li sar progress anke bi dritt li l-Pulizija jistgħu jirrikorru għand it-trejd unjin rispettiva tagħhom meta jkun hemm xi nuqqasijiet, għad fadal ħafna xi jsir mill-aspett amministrattiv fil-Korp. Dan il-każ huwa eżempju fejn il-Pulizija ma ġewx trattati ta’ ħaddiema, iżda ġew trattati ta’ numri. Il-POU-GWU tawgura li l-amministrazzjoni tal-Korp tkun hi li tieħu l-inizjattivà u f’każijiet simili jsiru l-arranġamenti meħtieġa mill-bidu.

No comments:

Post a Comment