Tuesday 14 February 2017

F’inqas minn xahar jibdew negozjati għall-ftehim settorjali għall-membri tal-Korp tal-Pulizija - POU-GWU


 

F’inqas minn sentejn minn meta l-gvern daħħal id-dritt li membri tal-Korp tal-Pulizija jistgħu jissieħbu fi trejd unjin tal-għażla tagħhom, is-segretarju permanenti għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qed jistieden l-unjins biex tibda d-diskussjoni għall-ftehim settorjali ġdid.

In-negozjati ser jibdew nhar is-7 ta’ Marzu li ġej, li nzerta jaħbat sena wara li l-Kumitat Ċentrali tal-POU-GWU kien iltaqa’ mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Dakinhar fost affarijiet oħra kienet ġiet diskussa l-kwistjoni li hemm bżonn ftehim settorjali ġdid. Kien evidenti li dakinhar il-Prim Ministru Muscat kien fehem u għaraf li l-kundizzjonijiet li qed  jaħdmu fihom il-Pulizija huma saħansitra inferjuri għal dak li jaħdmu fihom il-ħaddiema taċ-ċivil.

Fl-2012 kien ġie ffirmat ‘ftehim settorajli’ taħt it-titlu New salary and conditions for the Police force bejn is-segretarji permanenti għall-intern u tal-finanzi. Fost l-iżvantaġġi li fihom dawn il-kundizzjonijiet hemm; li kull Pulizija jrid jaħdem 46 siegħa fil-ġimgħa mingħajr ma hemm indikazzjoni li għandha tkun riflessa fil-paga, li l-uffiċjali fi skala 7 u 8 (Spetturi) ma jkunux intitolati għas-sahra u li daħlu allowances li bihom ġew diskriminati diversi membri tal-Korp fosthom il-Pulizija tad-distrett u dawk il-Pulizija li jaħdmu bl-uniformi f’diversi ‘skwadri speċjalizzati’.

Sfortunatament minkejja li kien evidenti li dawn il-kundizzjonijiet kienu inferjuri, dak iż-żmien la ħadd ikkritika u lanqas ħadd ma ħa xi forma t’azzjoni skond il-liġi biex jiġu mibdula tali kundizzjonijiet. Minn meta ġiet imwaqqfa l-POU-GWU il-kampanja sabiex noħolqu kuxjenza dwar dan ma waqfitx. Fil-fatt esponenti tal-POU-GWU ma tilfux okkazzjoni waħda mill-laqgħat li l-gvern jorganizza fuq bażi regolari mas-soċjetà ċivili.

Għall-ewwel laqgħa ser jattendu uffiċjali għolja Industrial Relations Unit tal-OPM, uffiċjali mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, uffiċjali mill-amministrazzjoni tal-Korp, il-Kap Eżekuttiv tal-Korp u esponenti taż-żewġ unjins li jirrapreżentaw il-Pulizija. Il-POU-GWU tilqa’ b’sodisfazzjon li l-gvern sema’ l-vuċi tal-membri tal-Korp Pulizija wara tant snin li ġew injorati.

 

No comments:

Post a Comment