Thursday 9 February 2017

Favur negozjati b’kundizzjonijiet ġodda għall-futur, iżda kontra l-wegħdiet fiergħa tal-passat - POU-GWU

Kif infurmajnikom lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet, bħala POU-GWU konna ser inħabbru l-pożizzjoni uffiċjali tagħna fir-rigward tal-kawża l-Qorti kontra l-gvern li min qed jgħid li ser jiftaħ. Illum nistgħu ngħidu pubblikament li l-pożizzjoni tagħna mhux favur li tinfetaħ tali kawża prinċiparjament minħabba dawn ir-raġunijiet.
  • Minkejja li meta sar il-‘ftehim settorjali’ fl-2012 wieħed jista’ jikkritika l-fatt li l-gvern ta’ dakinhar seta’ mexa aħjar mar-rappreżentanti tal-Pulizija billi ta’ lanqas ikkonsulta magħhom, ma kien kiser ebda liġi għax dakinhar tali rappreżentanti tal-Pulizija ma kenux rikonoxxuti taħt l-att dwar l-impjieg u r-relazzjonijiet industrijali.
  • Li l-ħinijiet tax-xogħol għall-membri tal-Korp tal-Pulizija huma 46 siegħa fil-ġimgħa hija ċara kristall fil-‘ftehim settorjali’ tal-2012 u minkejja li r-rappreżentanti tal-Pulizija ma kenux rikonoxxuti bħala trejd unjin xorta waħda kellhom kull dritt li jiftħu kawża kontra l-gvern li kieku verament emmnu li din kienet illegali.
  • Illum qed jiġi mwiegħed li kull membru tal-Korp tal-Pulizija li jiffirma l-formola biex isir protest ġudizzjarju u eventwalment tinfetaħ kawża ser jieħu madwar 7,000 arretrati tas-sitt (6) żejda maħduma fuq l-40 siegħa fil-ġimgħa għal dawn l-aħħar sentejn. Diversi membri tal-Korp diġa għaddew minn din l-esperjenza fis-sena 2009, iżda l-figuri mwiegħda dakinhar kienu ferm akbar minn dawk tal-lum. Minkejja l-parir li tawna u l-formoli kollha li ġew iffirmati dakinhar ma ħadniex 1 wieħed. Illum qed niddependu biss minn wiegħda elettorali biex nieħdu kumpens ta’ dak li kien dovut lilna.
  • Kif konvinti li kulħadd jaf, meta tinfetaħ kawża fil-Qorti din tista’ tieħu ammont sostanzjali ta’ snin. Il-prassi fir-relazzjonijiet industrijali hija li jekk ikun hemm xi tilwima (u kawża l-Qorti fuq din il-materja tista’ tiġi meqjusa tilwima) ma jsir ebda negozjar sakemm tiġi riżolta tali kwistjoni. Din il-kawża tkun qed tipperikola li ma jsir ebda negozjar għall-ftehim settorjali ġdid u l-Pulizija jibqgħu bil-kundizzjonijiet attwali.
  • Għalkemm għadhom ma nbdewx in-negozjati għall-ftehim settorjali ġdid għall-membri tal-Korp (lanqas il-ftehim kollettiv taċ-ċivil għadu mhu magħluq minkejja li skada fi tmiem tal-2016), l-indikazzjonijiet huma li l-gvern lest jinnegozja pakkett ġdid. Lil hin milli naħdmu s-46 siegħa jrid isir ukoll titjib fil-paga bażika, overtime, allowances u diversi kundizzjonijiet oħra għandhom jinbidlu mingħajr dewmien.
  • Meta għamilna analizi taċ-ċirkostanzi kollha nħossu li mhux ta’ Ġid għall-membri tal-Korp li nkunu parti minn din il-kawża jew nagħmlu kawża simili, mhux biss għax aktar hemm argumenti kontra milli favur legalment (mhux moralment) fil-kwsitjoni, iżda wkoll sabiex ma nkunux aħna li nxekklu li jinbdew tali negozjati. Naturlament b'ebda mod m'għandna intezzjoni li ntelfu u nattakkaw din il-kawża u nistennew li min naħa l-oħra ma nsibux xkiel għal negozjati ta' ftehim settorjali ġdid.
  • Fl-aħħar iżda żgur mhux l-inqas irridu nserrħu ras il-membri kollha tagħna u anke dawk li sal-lum għadhom ma ssieħbu ma ebda unjin, li minkejja li qed ibeżżawkom li jekk ma tkunux parti minn din il-kawża mhux ser titħallsu, din hija GIDBA. Minkejja li hija remota ħafna li din il-kawża tintrebaħ, nassigurawkom li ebda membru tal-Korp mhu ser ikun diskriminat, indipendentament jekk intiex imsieħeb fi trejd unjin jew le, aħseb u ara il-membri tagħna.
Grazzi tal-attenzzjoni u nħeġġukom timxu fuq id-direzzjoni li ntukom aħna.

No comments:

Post a Comment