Wednesday 15 February 2017

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri fuq F Living TV nhar l-Erbgħa 15 ta' Frar 2017

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri intervistat mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon F Living TV Live nhar l-Erbgħa 15 ta' Frar 2017



Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1201992859916897/

Tuesday 14 February 2017

F’inqas minn xahar jibdew negozjati għall-ftehim settorjali għall-membri tal-Korp tal-Pulizija - POU-GWU


 

F’inqas minn sentejn minn meta l-gvern daħħal id-dritt li membri tal-Korp tal-Pulizija jistgħu jissieħbu fi trejd unjin tal-għażla tagħhom, is-segretarju permanenti għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qed jistieden l-unjins biex tibda d-diskussjoni għall-ftehim settorjali ġdid.

In-negozjati ser jibdew nhar is-7 ta’ Marzu li ġej, li nzerta jaħbat sena wara li l-Kumitat Ċentrali tal-POU-GWU kien iltaqa’ mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Dakinhar fost affarijiet oħra kienet ġiet diskussa l-kwistjoni li hemm bżonn ftehim settorjali ġdid. Kien evidenti li dakinhar il-Prim Ministru Muscat kien fehem u għaraf li l-kundizzjonijiet li qed  jaħdmu fihom il-Pulizija huma saħansitra inferjuri għal dak li jaħdmu fihom il-ħaddiema taċ-ċivil.

Fl-2012 kien ġie ffirmat ‘ftehim settorajli’ taħt it-titlu New salary and conditions for the Police force bejn is-segretarji permanenti għall-intern u tal-finanzi. Fost l-iżvantaġġi li fihom dawn il-kundizzjonijiet hemm; li kull Pulizija jrid jaħdem 46 siegħa fil-ġimgħa mingħajr ma hemm indikazzjoni li għandha tkun riflessa fil-paga, li l-uffiċjali fi skala 7 u 8 (Spetturi) ma jkunux intitolati għas-sahra u li daħlu allowances li bihom ġew diskriminati diversi membri tal-Korp fosthom il-Pulizija tad-distrett u dawk il-Pulizija li jaħdmu bl-uniformi f’diversi ‘skwadri speċjalizzati’.

Sfortunatament minkejja li kien evidenti li dawn il-kundizzjonijiet kienu inferjuri, dak iż-żmien la ħadd ikkritika u lanqas ħadd ma ħa xi forma t’azzjoni skond il-liġi biex jiġu mibdula tali kundizzjonijiet. Minn meta ġiet imwaqqfa l-POU-GWU il-kampanja sabiex noħolqu kuxjenza dwar dan ma waqfitx. Fil-fatt esponenti tal-POU-GWU ma tilfux okkazzjoni waħda mill-laqgħat li l-gvern jorganizza fuq bażi regolari mas-soċjetà ċivili.

Għall-ewwel laqgħa ser jattendu uffiċjali għolja Industrial Relations Unit tal-OPM, uffiċjali mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, uffiċjali mill-amministrazzjoni tal-Korp, il-Kap Eżekuttiv tal-Korp u esponenti taż-żewġ unjins li jirrapreżentaw il-Pulizija. Il-POU-GWU tilqa’ b’sodisfazzjon li l-gvern sema’ l-vuċi tal-membri tal-Korp Pulizija wara tant snin li ġew injorati.

 

Thursday 9 February 2017

Favur negozjati b’kundizzjonijiet ġodda għall-futur, iżda kontra l-wegħdiet fiergħa tal-passat - POU-GWU

Kif infurmajnikom lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet, bħala POU-GWU konna ser inħabbru l-pożizzjoni uffiċjali tagħna fir-rigward tal-kawża l-Qorti kontra l-gvern li min qed jgħid li ser jiftaħ. Illum nistgħu ngħidu pubblikament li l-pożizzjoni tagħna mhux favur li tinfetaħ tali kawża prinċiparjament minħabba dawn ir-raġunijiet.
  • Minkejja li meta sar il-‘ftehim settorjali’ fl-2012 wieħed jista’ jikkritika l-fatt li l-gvern ta’ dakinhar seta’ mexa aħjar mar-rappreżentanti tal-Pulizija billi ta’ lanqas ikkonsulta magħhom, ma kien kiser ebda liġi għax dakinhar tali rappreżentanti tal-Pulizija ma kenux rikonoxxuti taħt l-att dwar l-impjieg u r-relazzjonijiet industrijali.
  • Li l-ħinijiet tax-xogħol għall-membri tal-Korp tal-Pulizija huma 46 siegħa fil-ġimgħa hija ċara kristall fil-‘ftehim settorjali’ tal-2012 u minkejja li r-rappreżentanti tal-Pulizija ma kenux rikonoxxuti bħala trejd unjin xorta waħda kellhom kull dritt li jiftħu kawża kontra l-gvern li kieku verament emmnu li din kienet illegali.
  • Illum qed jiġi mwiegħed li kull membru tal-Korp tal-Pulizija li jiffirma l-formola biex isir protest ġudizzjarju u eventwalment tinfetaħ kawża ser jieħu madwar 7,000 arretrati tas-sitt (6) żejda maħduma fuq l-40 siegħa fil-ġimgħa għal dawn l-aħħar sentejn. Diversi membri tal-Korp diġa għaddew minn din l-esperjenza fis-sena 2009, iżda l-figuri mwiegħda dakinhar kienu ferm akbar minn dawk tal-lum. Minkejja l-parir li tawna u l-formoli kollha li ġew iffirmati dakinhar ma ħadniex 1 wieħed. Illum qed niddependu biss minn wiegħda elettorali biex nieħdu kumpens ta’ dak li kien dovut lilna.
  • Kif konvinti li kulħadd jaf, meta tinfetaħ kawża fil-Qorti din tista’ tieħu ammont sostanzjali ta’ snin. Il-prassi fir-relazzjonijiet industrijali hija li jekk ikun hemm xi tilwima (u kawża l-Qorti fuq din il-materja tista’ tiġi meqjusa tilwima) ma jsir ebda negozjar sakemm tiġi riżolta tali kwistjoni. Din il-kawża tkun qed tipperikola li ma jsir ebda negozjar għall-ftehim settorjali ġdid u l-Pulizija jibqgħu bil-kundizzjonijiet attwali.
  • Għalkemm għadhom ma nbdewx in-negozjati għall-ftehim settorjali ġdid għall-membri tal-Korp (lanqas il-ftehim kollettiv taċ-ċivil għadu mhu magħluq minkejja li skada fi tmiem tal-2016), l-indikazzjonijiet huma li l-gvern lest jinnegozja pakkett ġdid. Lil hin milli naħdmu s-46 siegħa jrid isir ukoll titjib fil-paga bażika, overtime, allowances u diversi kundizzjonijiet oħra għandhom jinbidlu mingħajr dewmien.
  • Meta għamilna analizi taċ-ċirkostanzi kollha nħossu li mhux ta’ Ġid għall-membri tal-Korp li nkunu parti minn din il-kawża jew nagħmlu kawża simili, mhux biss għax aktar hemm argumenti kontra milli favur legalment (mhux moralment) fil-kwsitjoni, iżda wkoll sabiex ma nkunux aħna li nxekklu li jinbdew tali negozjati. Naturlament b'ebda mod m'għandna intezzjoni li ntelfu u nattakkaw din il-kawża u nistennew li min naħa l-oħra ma nsibux xkiel għal negozjati ta' ftehim settorjali ġdid.
  • Fl-aħħar iżda żgur mhux l-inqas irridu nserrħu ras il-membri kollha tagħna u anke dawk li sal-lum għadhom ma ssieħbu ma ebda unjin, li minkejja li qed ibeżżawkom li jekk ma tkunux parti minn din il-kawża mhux ser titħallsu, din hija GIDBA. Minkejja li hija remota ħafna li din il-kawża tintrebaħ, nassigurawkom li ebda membru tal-Korp mhu ser ikun diskriminat, indipendentament jekk intiex imsieħeb fi trejd unjin jew le, aħseb u ara il-membri tagħna.
Grazzi tal-attenzzjoni u nħeġġukom timxu fuq id-direzzjoni li ntukom aħna.

Wednesday 8 February 2017

Protest Ġudizzjarju u kawża l-Qorti = Déjà vu tas-sena 2009

Times of Malta online nhar is-27 t' Ottubru 2009

Kif ħafna minnkom tafu dan l-aħħar kien hawn min ħareġ bi pjan li ser jiftaħ kawża l-Qorti u biex il-Pulizija jimlew formola partikolari sabiex jitħallsu sitt (6) sigħat fil-ġimgħa bir-rata tas-sahra u ssir talba biex dawn jitħallsu b’lura tul l-aħħar sentejn. Qed jiġi mwiegħed li bejn wieħed u ieħor kull Pulizija li jimla' din il-formola jdaħħal madwar €7,000 kull wieħed fil-but!

WOW!!! malli tismagħha tgħid worth it inħallas €20 membership u nieħu lura €7,000 ux? Iżda ta’ min wieħed ifakkar li din diġa għaddejna minnha fis-sena 2009, Kif? Iva fis-sena 2009 xi ħadd kien irrealizza li fl-1993 kien sar agreement taħt it-titlu ta’ New Salaries And Conditions Of Service For The Police Force fejn fih kien hemm miktub ċar Kristal li kull min jaħdem aktar minn 46 siegħa fil-ġimgħa jitħallas bir-rata tas-sahra, ċioe bil-1.5 tar-rata normali.

Min kien jirrapreżenta lill-membri tal-Korp dakinhar kien qal lill-membri biex jimla’ formola partikolari ħalli jkun parti minn protest ġudizzjarju li jwassal għall-kawża fil-Qorti u niedu dak li hu tagħna bi dritt. Dak iż-żmien kulħadd beda jagħmel kalkoli kemm kellu jieħu flus tas-sigħat żejda li ħadem bejn l-1993 u l-2009. Kien hemm Pulizija li kienu għamlu kalkoli li kellhom jieħdu mal-€50,000, oħrajn €30,000, €20,000 etċ… insomma kulħadd kien ottimist u kulħadd jippjana x’se jagħmel b’dawn il-‘flus’!

Fil-fatt minn madwar 1,800 membru fil-Korp, kien hemm viċin l-1,500 li mlew il-formola sabiex isimhom ikun fil-protest ġudizzjarju, dan ifisser li aktar minn 83% tal-membri tal-Korp emmnu f’dak li qalulhom dawk li suppost kienu ‘jirrapreżentawhom’. Dan il-protest ġudizzjarju fil-fatt kien sar, iżda kollox baqa kif kien, ċioe kulħadd baqa bil-flus fl-arja! Ma kien hemm ebda Pulizija li ġie trattat differenti, dawk it-83% li kellhom tama li ser jitħallsu billi mlew il-formola u l-kumplament tas-17% li ndunaw li din farsa ġew trattati l-istess, kollha baqgħu b’ €00,000 fil-but. Eventwalment biex ninatgħu kumpens minn dawk il-flus kellna niddependu minn wiegħda elettorali li jekk Alla jrid l-ewwel pagamenti jsiru din is-sena.

Iż-żmien beda jgerbeb u fl-2012 daħal fis-seħħ agreement ieħor li kellu l-istess titolu, ċioe New Salaries And Conditions Of Service For The Police Force. Minkejja li kien hemm xi rinumerazzjonijiet u daħlu wkoll xi allowances (li ħolqu diskriminazzjoni u firda bejn il-membri tal-Korp) is-sigħat tax-xogħol normali tal-membri tal-Korp baqgħu 46 siegħa. Hekk hu… imniżżla ċara kristall li r-rata tas-sahra tibda malli taqbeż is-46 fil-ġimgħa xogħol. Dak iż-żmien ĦADD ma lissen kelma waħda f’dan ir-rigward.

Issa fl-2017, ċioe ħames (5) snin wara dan l-agreement tal-2012 jidher li hawn min stenbaħ li l-maġġoranza tal-ħaddiema taċ-ċivil jaħdmu 40 siegħa fil-ġimgħa u li dawk li jaħdmu aktar jieħdu xi forma ta’ ħlas addizzjonali. Prosit tassew, sar progress kbir, min kien għama, trux u mutu ġie jara, jisma’ u jitkellem! Iżda dan mhux biżżejjed, wieħed għandu jifhem ukoll il-prassi tar-relazzjonijiet industrijali. Għaliex qed jingħad dan? Għax issa li wasalna tant viċin li għall-ewwel darba jsir ftehim settorjali bejn il-gvern u l-unjins li jirrapreżentaw il-Pulizija, kawża l-Qorti tista’ tiġi meqjusa bħala tilwima. Fl-isfera industrijali ebda employer ma’ jpoġġi biex jinnegozja ftehim kollettiv / settorjali waqt li jkollu xi tilwima pendenti, il-prassi hi li l-ewwel jiġu sorvolati tali problem biex b’hekk in-negozjati jsiru f’atmosfera serena u trankwilla.

Bħala POU flimkien ma' trejdunjonisti b'esperjenza fil-GWU minnufih mit-twaqqif tagħna lura fis-sena 2015 konna diġa ddiskutejna u evalwajna l-possibiltà li niftħu kawża f'dan ir-rigward, iżda meta wieħed janalizza l-fatti kollha jasal għall-konkluzzjoni li l-probabbiltà li tintrebaħ il-kawża hija remota ħafna. Fattur ewlieni fost ħafna oħrajn li huwa kontrina bħala Pulizija huwa: kif ser tiftaħ kawża fl-2017 biex tattaka jew tannulla agreement tal-2012? Dan kien jagħmel sens kieku sar fl-2012 stess imma llum se tkun dgħajjef fl-argumenti tiegħek.

Kif wieħed seta' josserva minn meta twaqqafna bħala POU-GWU, aħna promuturi biex is-sigħat li naħdmu l-Pulizija għandha tkun riflessa fil-paga, iżda ma nemmnux li jkun għaqli li l-aktar triq faċli hija dik li tinfetaħ kawża. Nemmnu li aħjar nassiguraw li ntejbu l-pakkett finanzjarju tagħna permezz ta' ftehim settorjali ġdid u nassiguraw flus f'idejna milli nkunu parti minn wiegħeda ta' flus fl-arja (bħalma ġara fl-2009).

Remota kemm hi remota l-possibiltà li l-Qorti taqta' l-kawza favur il-Pulizija, fl-eventwalità li din il-kawża tinfetaħ u tintrebaħ, qed nassiguraw lil kull membru tal-Korp, indipendentament jekk ux membru fi trejd unjin jew le li l-unjin mhux ser tippermetti diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema fuq każ ta' natura kollettiva. Dan kuntrarjament għal dak li qed jgħidu li ser jitħallsu biss dawk li se jkunu parti mill-kawża. Ħalli nkun aktar ĊARI, kull membru tal-Korp ser jiġi trattat l-istess wara li jkun hemm deċizzjoni mill-Qorti u dan hemm il-mezzi kif jista' jsir bis-saħħa u l-esperjenza tal-GWU.

Aħna bħala POU-GWU mhu se nfixxklu xejn f'din il-kawża li qed jgħidu li se tinfetaħ fil-Qorti għax kif intqal aktar kmieni aħna promuturi li l-Pulzija għandhom jitħallsu tas-sigħat li naħdmu, iżda nittamaw li min ser jiftaħ il-kawża ma jfixkilx il-proċess li jibdew in-negozjati għall-ftehim settorjali ġdid biex intejbu u nirranġaw dak li hemm preżentament fil-ftehim tal-2012.

Inħarsu 'l quddiem biex ninnegozjawlkom pakkett ta' kundizzjonijiet ferm aħjar minn dak li għandna llum. 

Tislijiet għeżież membri.   
  
Link tat-Times of Malta datata 27 t' Ottubru 2009
http://www.timesofmalta.com/articles/view/20091027/local/1-500-police-officers-file-action-for-overtime.279109