Thursday 22 December 2016

Il-Qorti tikkundana l-aġir tal-amministrazzjoni tal-Korp


 
Il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) preseduta mill-Maġistrat Dr Joe Mifsud illum 22 ta’ Diċembru tat sentenza sitt xhur priġunerija u multa ta’ elfejn ewro (€2,000) lil Carmel sive Charles Galea. F’sentenza ta’ tlettax il-paġna l-Maġistrat Mifsud mhux biss sab ħtija fil-konfront ta’ Galea dwar erbgħa (4) akkużi minn ħamsa (5), iżda saħansitra kkundanna l-aġir tal-amministrazzjoni tal-Pulizija għal mod kif aġixxiet mal-membri tiegħu. L-akkużi kienu dwar insulti, theddid, inġurja fuq diversi persuni kif ukoll li naqas li jobdi l-ordnijiet leġittimi mogħtija lilu mill-Pulizija. Is-sur Charles Galea eventwalment kien għamel allegazzjonijiet fil-konfront tas-Surġent Jonathan Vella u l-amministrazzjoni tal-Korp waqgħet għall-pressjoni u ħarġet akkużi dixxiplinarji fil-konfront tas-Surġent Vella.

Fil-konkluzzjonijiet tiegħu il-Maġistrat Mifsud jgħid hekk: ‘huwa ta’ thassib serju ghal din il-Qorti l-fatt li l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija cedew ghall-pressjoni tal-imputat u hargu akkuzi ta’ dixxiplina fil-konfront ta’ PS820 Jonathan Vella li qeda dmiru u protega lill-Kummissarju Ghall-Gustizzja u gibed l-attenzjoni ghal illegalitajiet li seta’ ghandu l-imputat.  Kuntrarjament ghall-akkuzi migjuba kontra s-Surgent Vella b’dak li ghamel, gholla r-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija li ma jippermettux lil min jahseb li jista’ jwettaq ksur ta’ ligi u ma jwegibx ghal dan u ra li tinzamm il-bon ordni f’post fejn titwettaq Gustizzja.’

Il-POU-GWU wkoll pubblikament tikkundanna dan it-tip t’aġir mill-amministrazzjoni tal-Korp fejn jidħlu dawn it-tip t’allegazzjonijiet fil-konfront tal-membri tal-Korp tal-Pulizija. Dan l-aġir li jaqbdu u jieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront tal-Pulizija jwaqqa’ l-moral tagħhom sabiex ikomplu jwettqu d-doveri tagħhom mingħajr biża. Il-POU-GWU mhux biss tfaħħar is-sentenza mogħtija mill-Qorti, iżda wkoll tapprezza l-fatt li l-Maġistrat Mifsud verament japprezza x-xogħol li jagħmlu l-Pulizija.

  
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 

No comments:

Post a Comment