Friday 9 December 2016

Il-membri tal-Korp tal-Pulizija kollha se jkunu intitolati nofs ġranet leave kull sena

 

Stqarrija għall-Istampa


9 ta’ Diċembru 2016

Nhar l-Erbgħa 7 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissarju tal-Pulizija stieden liż-żewġ unjins li jirrappreżentaw il-membri tal-Korp (l-MPA u l-POU-GWU) sabiex flimkien jiddiskutu dwar kif ser tiġi implimentata l-kwistjoni tal-leave meħud b’sigħat li tirrifletti f’kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal kull membru fil-Korp.

F’Novembru li għadda s-Segretarju Permanenti Ewlieni ħareġ ċirkulari b’kundizzjonijiet aħjar li għandhom igawdu minnhom il-ħaddiema tas-servizz pubbliku. Fost il-kundizzjonijiet aktar favorevoli ndirizzati f’din iċ-ċirkolari  wieħed isib illi l-ammont ta’ Vacation Leave li wieħed jista jutilizza b’siegħat, minn 40 siegħa issa ġie miżjud għal nofs l-ammont ta’ Vacation Leave li wieħed huwa ntitolat għalih.

Fil-Korp tal-Pulizija il-Vacation Leave ma jiġix komputat bis-siegħat iżda bil-ġranet.  Għalekk, din l-iskema kienet qed tiġi mplimentata fil-Korp billi wieħed seta’ jieħu sa massimu t’għaxar nofs ġranet leave. Iżda din l-iskema setgħu jibbenefikaw minnha biss dawk li kienu jaħdmu ‘office hours’.

Wara diversi talbiet li kienu ġew imressqa miż-żewġ,  il-Kummissarju tal-Pulizija approva illi minn Jannar li ġej, il-membri kollha tal-Korp ser jibdew jibbenefikaw mill-iskema tan-nofs ġranet leave, u minn għaxra l-ammont ser jiżdied għall-nofs il-Vacation Leave li l-Pulizija huma ntitolati għalih. Naturalment dan kollu japplika meta ċ-ċirkostanzi  jkunu jippermettu.

L-MPA u l-POU-GWU jilqgħu b’sodisfazzjon dawn il-kundizzjonijiet ġodda li għandhom jgħinu sabiex il-membri tal-Korp tal-Pulizija jkollhom bilanċ aħjar bejn il-ħajja personali u x-xogħol. Konvinti li dan ser iwassal biex il-Pulizija jkunu aktar kuntenti, motivati u produttivi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, u fl-istess ħin tinħoloq flessibilta’ akbar fl-operat tad-dipartiment.



Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta                               POU-GWU
Malta Police Associations Center                                   Workers Memorial Building
Spencer Hill,                                                                            Triq Nofsinnhar,
Marsa MRS1959                                                                     Valletta VLT1103

No comments:

Post a Comment