Thursday 22 December 2016

Il-Qorti tikkundana l-aġir tal-amministrazzjoni tal-Korp


 
Il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) preseduta mill-Maġistrat Dr Joe Mifsud illum 22 ta’ Diċembru tat sentenza sitt xhur priġunerija u multa ta’ elfejn ewro (€2,000) lil Carmel sive Charles Galea. F’sentenza ta’ tlettax il-paġna l-Maġistrat Mifsud mhux biss sab ħtija fil-konfront ta’ Galea dwar erbgħa (4) akkużi minn ħamsa (5), iżda saħansitra kkundanna l-aġir tal-amministrazzjoni tal-Pulizija għal mod kif aġixxiet mal-membri tiegħu. L-akkużi kienu dwar insulti, theddid, inġurja fuq diversi persuni kif ukoll li naqas li jobdi l-ordnijiet leġittimi mogħtija lilu mill-Pulizija. Is-sur Charles Galea eventwalment kien għamel allegazzjonijiet fil-konfront tas-Surġent Jonathan Vella u l-amministrazzjoni tal-Korp waqgħet għall-pressjoni u ħarġet akkużi dixxiplinarji fil-konfront tas-Surġent Vella.

Fil-konkluzzjonijiet tiegħu il-Maġistrat Mifsud jgħid hekk: ‘huwa ta’ thassib serju ghal din il-Qorti l-fatt li l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija cedew ghall-pressjoni tal-imputat u hargu akkuzi ta’ dixxiplina fil-konfront ta’ PS820 Jonathan Vella li qeda dmiru u protega lill-Kummissarju Ghall-Gustizzja u gibed l-attenzjoni ghal illegalitajiet li seta’ ghandu l-imputat.  Kuntrarjament ghall-akkuzi migjuba kontra s-Surgent Vella b’dak li ghamel, gholla r-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija li ma jippermettux lil min jahseb li jista’ jwettaq ksur ta’ ligi u ma jwegibx ghal dan u ra li tinzamm il-bon ordni f’post fejn titwettaq Gustizzja.’

Il-POU-GWU wkoll pubblikament tikkundanna dan it-tip t’aġir mill-amministrazzjoni tal-Korp fejn jidħlu dawn it-tip t’allegazzjonijiet fil-konfront tal-membri tal-Korp tal-Pulizija. Dan l-aġir li jaqbdu u jieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront tal-Pulizija jwaqqa’ l-moral tagħhom sabiex ikomplu jwettqu d-doveri tagħhom mingħajr biża. Il-POU-GWU mhux biss tfaħħar is-sentenza mogħtija mill-Qorti, iżda wkoll tapprezza l-fatt li l-Maġistrat Mifsud verament japprezza x-xogħol li jagħmlu l-Pulizija.

  
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 

Saturday 10 December 2016

Sodisfatti li l-vuċi tagħna bdiet tasal għand l-Awtoritajiet u bdiet tħalli r-riżultati - POU-GWU


Sodisfatti li issa anke l-amministrazzjoni tal-Korp ingħaqdet mal-kampanja li bdiet mill-bidu tat-twaqqif tagħha l-Pou Gwu​. Jidher li għall-ewwel darba kienet l-amministrazzjoni tal-Korp stess li għaddiet il-filmati lill-midja.

Fil-passat diversi membri tal-Korp għaddew minn proċeduri dixxiplinarji jew saħansitra minn proċeduri kriminali fil-Qrati minħabba dawn it-tip t' allegazzjonijiet. Sfortunatament dak iż-żmien ma kien hemm ħadd jitkellem għall-membri tal-Korp u kienu jgħaddu minn martirju sħiħ. Kif ilu jisħaqq il-President tal-unjin l-Ispettur Sandro Camilleri​ l-akbar kisba li ngħatat mad-dritt li nissieħbu f'unjin tal-għażla tagħna l-membri tal-Korp hija dik li jkollna vuċi. Huwa evidenti li din il-vuċi qed tasal fejn għandha tasal u bdejna naraw ir-riżultati.

Sodisfatti wkoll li bħalma ilha tisħaqq ukoll il-POU-GW l-Kummissarju Laurence Cutajar kommess li jinstalla l-cameras mhux biss għas-sigurtà tal-membri tal-Korp, iżda saħansitra għall-protezzjoni tal-pubbliku inġenerali.

Il-POU-GWU tifraħ lil PC466 Paul Mercieca - Finalist Ħaddiem Mudell tas-sena 2016

PC466 Paul Merceica - Fost it-tlett finalisti Ħaddiem Mudell tas-sena 2016
PC466 Paul Mercieca kien wieħed mill-ħaddiema nominati għall-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-sena 2016. Il-Kuntistabbli Mercieca huwa stazzjonat fit-taqsima tal-PCO ġewwa l-kwartieri ġenerali tal-Pulizija u huwa magħruf għad-dedikazzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol. Kull membru tal-Korp ġdid li tidħol jaħdem fl-uffiċċju tal-PCO dejjem isib lil Mercieca ta' appoġġ għalih u jigwidah fil-ħidma tiegħu.

Il-Kuntistabbli Mercieca kien fost it-tlett finalisti fil-kategorija Ħaddiema Mudell tas-sena 2016. Flimkien miegħu waqt din il-premjazzjoni kien hemm diversi kollegi tiegħu li kienu huma li nnominawh għal dan il-premju.

F'din l-okkazzjoni inzerta kien hemm il-viċi President tal-POU-GWU s-Surġent Theo Vella peress li kien innomina persuna oħra f'kategorija differenti. Is-Surġent Vella ħa l-okkazzjoni biex jifraħ lill-Kuntistabbli personalment waqt ir-riċeviment li kien hemm wara l-premjazzoni.

Il-POU-GWU tieħu l-okkazzjoni biex tifraħ lill-Kuntistabbli Mercieca għas-suċċess tiegħu.

PC466 Paul Mercieca mal-Viċi President tal-POU-GWU PS612 Theo Vella


 
PC466 Paul Mercieca flimkien mal-kollegi tiegħu li nnominawh


Friday 9 December 2016

Il-membri tal-Korp tal-Pulizija kollha se jkunu intitolati nofs ġranet leave kull sena

 

Stqarrija għall-Istampa


9 ta’ Diċembru 2016

Nhar l-Erbgħa 7 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissarju tal-Pulizija stieden liż-żewġ unjins li jirrappreżentaw il-membri tal-Korp (l-MPA u l-POU-GWU) sabiex flimkien jiddiskutu dwar kif ser tiġi implimentata l-kwistjoni tal-leave meħud b’sigħat li tirrifletti f’kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal kull membru fil-Korp.

F’Novembru li għadda s-Segretarju Permanenti Ewlieni ħareġ ċirkulari b’kundizzjonijiet aħjar li għandhom igawdu minnhom il-ħaddiema tas-servizz pubbliku. Fost il-kundizzjonijiet aktar favorevoli ndirizzati f’din iċ-ċirkolari  wieħed isib illi l-ammont ta’ Vacation Leave li wieħed jista jutilizza b’siegħat, minn 40 siegħa issa ġie miżjud għal nofs l-ammont ta’ Vacation Leave li wieħed huwa ntitolat għalih.

Fil-Korp tal-Pulizija il-Vacation Leave ma jiġix komputat bis-siegħat iżda bil-ġranet.  Għalekk, din l-iskema kienet qed tiġi mplimentata fil-Korp billi wieħed seta’ jieħu sa massimu t’għaxar nofs ġranet leave. Iżda din l-iskema setgħu jibbenefikaw minnha biss dawk li kienu jaħdmu ‘office hours’.

Wara diversi talbiet li kienu ġew imressqa miż-żewġ,  il-Kummissarju tal-Pulizija approva illi minn Jannar li ġej, il-membri kollha tal-Korp ser jibdew jibbenefikaw mill-iskema tan-nofs ġranet leave, u minn għaxra l-ammont ser jiżdied għall-nofs il-Vacation Leave li l-Pulizija huma ntitolati għalih. Naturalment dan kollu japplika meta ċ-ċirkostanzi  jkunu jippermettu.

L-MPA u l-POU-GWU jilqgħu b’sodisfazzjon dawn il-kundizzjonijiet ġodda li għandhom jgħinu sabiex il-membri tal-Korp tal-Pulizija jkollhom bilanċ aħjar bejn il-ħajja personali u x-xogħol. Konvinti li dan ser iwassal biex il-Pulizija jkunu aktar kuntenti, motivati u produttivi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, u fl-istess ħin tinħoloq flessibilta’ akbar fl-operat tad-dipartiment.



Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta                               POU-GWU
Malta Police Associations Center                                   Workers Memorial Building
Spencer Hill,                                                                            Triq Nofsinnhar,
Marsa MRS1959                                                                     Valletta VLT1103

Wednesday 7 December 2016

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri fuq F Living TV nhar il-Ġimgħa 7 ta' Diċembru 2016

Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri intervistat mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon F Living TV Live nhar l-Erbgħa 7 ta' Diċembru 2016


  Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
 https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1135752433207607/