![]() |
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u
l-Kummissaru Elettorali Joseph Church
|
Minkejja li għadu mhux konkluz il-ftehim settorjali
l-ġdid għall-membri tal-Korp tal-Pulizija li qed jiġi negozjat bħalissa bejn
l-unjins (POU-GWU u l-MPA) u l-gvern, il-Kummissarju s-sur Lawrence Cutajar
għamel talba sabiex il-Kummissjoni elettorali tħallas lill-fizzjali tal-Korp
tal-Pulizija kollha li jkunu qed jaqdu d-doveri tagħhom relatati mal-elezzjoni
ġenerali bir-rata tal-extra duty. Filwaqt li l-membri tal-Korp kollha taħt ir-rank ta' Surġent Maġġur dejjem
jitħallsu bir-rata ta' 1.5 tal-paga bażika wara li jaqbżu 46 siegħa, il-fizzjali mir-rank ta'
Spettur 'il fuq ma jitħallsu ebda ħlas addizzjonali minkejja l-jaqbżu l-istess
46 siegħa. Sfortunatament ir-ranks imsemmija l-aħħar ma jitħallsux minħabba
'ftehim settorjali' li l-gvern kien iffirma waħdu fis-2012.
Il-Kummissarju Cutajar huwa konxju mill-proposti li
ż-żewġ unjins preżentaw lill-gvern sabiex jiġi negozjat ftehim settorjali ġdid.
Fost diversi proposti preżentati hemm dik li l-uffiċjali li huma non-overtime
grades jiġu kumpensati bi ħlas addizzjoni f'okkazzjonijiet nazzjonali, inkluż
elezzjoni ġenerali. Sa ftit snin ilu minkejja li kien ikun hemm terzi li lesti
jħallsu lill-membri tal-Korp kollha (inkluz il-fizzjali) għas-servizz li
jagħtu, mhux l-ewwel darba li l-amministrazzjoni tal-Korp ma kenitx taċċetta
tali ħlasijiet għall-fizzjali. Sfortunatament kien hemm min hu tal-fehma li
jekk isir tali ħlas din issir prassi.
Kemm ilu fit-tmexxija tal-Korp il-Kummissarju Cutajar
l-mentalità hija kompletament differenti u kien hemm diversi okkazzjonijiet
fejn kien hu personali li jieħu l-inizjattivà sabiex il-membri tal-Korp igawdu
minn kundizzjonijiet aħjar. Qabel is-sena 2014 il-fizzjali qatt ma ħadu xi forma ta' ħlas addizzjonali għal xogħol żejjed li kienu jagħmlu fuq il-ħinijiet normali tagħhom. Kien biss fl-2014 li l-fizzjali għall-ewwel darba ħadu ħlas addizzjonali bir-rata tal-extra duty, dan meta kienu għamlu xogħol relatat mal-elezzjoni tal-parlament Ewropej. Sfortunatament fis-sena 2015 minkejja li t-task force tac-CHOGM kienet lesta tħallas bir-rata tal-extra lill-fizzjali li ħadmu fic-CHOGM, l-amministrazzjoni tal-Korp ta' dakinhar m'għamlitx talba kif għamel illum il-Kummissarju Cutajar bil-konsegwenza bil-konsegwenza li l-fizzjali baqgħu mingħajr ħlas tax-xogħol żejjed li ħadmu.
Minn hawn il-POU-GWU tixtieq tirringrazzja
lill-Kummissarju tal-Pulizija s-sur Lawrence Cutajar għat-talba li għamel, kif
ukoll nirringrazzjaw lill-Kummissarju Elettorali s-sur Joseph Church talli
aċċetta tali talba. Filwaqt li bħala unjin mhux dejjem qbilna mal-amministrazzjoni tal-Korp, nirrikonoxxu l-fatt li l-Kummissarju Cutajar jimpenja ruħu b'mod attiv sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-Pulizija kontinwament mingħajr ebda diskriminazzjoni.
![]() | |
Dawn huma r-rati tal-extra duty li ser jitħallsu bihom il-fizzjali minn Spettur 'il fuq. L-uffiċjali l-oħrajn ser jitħallsu bir-rata ta' 1.5 skont il-paga bażika tal-iskala rispettiva. |