Il-Qorti
tal-Maġistrati (Għawdex) preseduta mill-Maġistrat Dr Joe Mifsud illum 22 ta’
Diċembru tat sentenza sitt xhur priġunerija u multa ta’ elfejn ewro (€2,000)
lil Carmel sive Charles Galea. F’sentenza ta’ tlettax il-paġna l-Maġistrat
Mifsud mhux biss sab ħtija fil-konfront ta’ Galea dwar erbgħa (4) akkużi minn ħamsa (5),
iżda saħansitra kkundanna l-aġir tal-amministrazzjoni tal-Pulizija għal mod kif
aġixxiet mal-membri tiegħu. L-akkużi kienu dwar insulti, theddid, inġurja fuq
diversi persuni kif ukoll li naqas li jobdi l-ordnijiet leġittimi mogħtija lilu
mill-Pulizija. Is-sur Charles Galea eventwalment kien għamel allegazzjonijiet
fil-konfront tas-Surġent Jonathan Vella u l-amministrazzjoni tal-Korp waqgħet
għall-pressjoni u ħarġet akkużi dixxiplinarji fil-konfront tas-Surġent Vella.
Fil-konkluzzjonijiet
tiegħu il-Maġistrat Mifsud jgħid hekk: ‘huwa ta’ thassib serju ghal din
il-Qorti l-fatt li l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija cedew
ghall-pressjoni tal-imputat u hargu akkuzi ta’ dixxiplina fil-konfront ta’
PS820 Jonathan Vella li qeda dmiru u protega lill-Kummissarju Ghall-Gustizzja u
gibed l-attenzjoni ghal illegalitajiet li seta’ ghandu l-imputat. Kuntrarjament ghall-akkuzi migjuba kontra
s-Surgent Vella b’dak li ghamel, gholla r-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija li
ma jippermettux lil min jahseb li jista’ jwettaq ksur ta’ ligi u ma jwegibx
ghal dan u ra li tinzamm il-bon ordni f’post fejn titwettaq Gustizzja.’
Il-POU-GWU
wkoll pubblikament tikkundanna dan it-tip t’aġir mill-amministrazzjoni tal-Korp
fejn jidħlu dawn it-tip t’allegazzjonijiet fil-konfront tal-membri tal-Korp
tal-Pulizija. Dan l-aġir li jaqbdu u jieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront tal-Pulizija
jwaqqa’ l-moral tagħhom sabiex ikomplu jwettqu d-doveri tagħhom mingħajr biża. Il-POU-GWU
mhux biss tfaħħar is-sentenza mogħtija mill-Qorti, iżda wkoll tapprezza l-fatt li
l-Maġistrat Mifsud verament japprezza x-xogħol li jagħmlu l-Pulizija.












