Friday, 21 October 2016
Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri fuq F Living TV nhar il-Ġimgħa 21 ta' Ottubru 2016
Il-President tal-POU GWU l-Ispettur Sandro Camilleri intervistat
mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon F Living TV Live nhar il-Ġimgħa 21 ta' Ottubru 2016
Bidu ta’ karriera fil-Korp tal-Pulizija għal 120 kuntistabbli
Bidu ta’ karriera fil-korp tal-pulizija ghal 120 rekluta li ħadu
l-ġurament tal-ħatra tagħhom bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija.
Imqassma fi 92 raġel u 28 mara. Dan kien l-ewwel passing out parade li
sar fl-Akkademja f’Ta’ Kandja minn mindu twaqqfet bħala Akkademja għal
Korpi Dixxiplinati. Iċ-ċeremonja kienet ippreseduta mill-Ministru
għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela u l-Kummissarju
tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Il-Ministru Abela tkellem kif grazzi għal dan ir-reklutaġġ,
id-Distretti tal-Pulizija se jkomplu jissaħħu b’aktar riżorsi.
Preżentament hemm aktar minn 1,000 membru stazzjonat fid-distretti.
Hawn l-Onorevoli Abela saħaq fuq l-importanza ta’ Korp modern, proattiv u
eqreb il-komunità kemm permezz ta’ iktar rondi kif ukoll kuntatt ma’
setturi differenti fis-soċjetà.
Fi kliem il-Ministru Abela, biex jintlaħaq dan il-għan bħalissa
il-Korp għaddej minn żmien ta’ ristratturar inkluż fir-riżorsa umana
kemm permezz ta’ sejħiet ġodda u ngaġġi fi rwoli diversi fil-Korp,
flimkien mal-ħsieb lir-rwol tan-nies ċivili jikber f’xogħol
amministrattiv. B’hekk il-Pulizija jibqgħu iffukati fuq l-infurzar
tal-liġi, l-investigazzjonijiet kriminali u l-protezzjoni
tal-pubbliku.
Fid-diskors tiegħu Carmelo Abela għamel referenza għall-ħidma sfiqa
li qed issir fit -trawwim fil-ħiliet. Innota li madwar 260 pulizija
fl-aħħar tliet snin ingħataw taħriġ speċjalizzat barra minn xtutna fuq
oqsma speċjalizzati f’madwar 20 pajjiż differenti tal-UE.
Huwa rrimarka li bit-twaqqif tal-Akkademja, bord magħmul minn
professjonisti u direttur għall-istudji, it-triq ‘il quddiem hi mmirata
li twassal lejn programmi akkreditati u iżjed opportunitajiet ta’ taħriġ
f’Akkademji rinomati barra minn Malta. Dan flimkien mal-ixprunar ta’
kultura ta’ taħriġ li jmur oltre mir-reklutaġġ imma li jkun wieħed
kontinwu li jwassal għal avvanz fil-karriera.
Il-Ministru għall-Intern għamel referenza għal benefiċċji li se
jgawdu minnhom dawn il-Pulizija fejn jidħlu kundizzjonijiet aħjar
għall-ħaddiema. Fakkar li dawn jinkludu d-dritt tar-rappreżentanza
f’union tal-għazla tagħhom, ħinijiet ta’ xiftijiet aktar flessibi u
tnaqqis fir-rata ta’ taxxa fuq ‘extra duty’.
Għal dawn l-aħħar 14-il ġimgħa r-rekluti ngħataw taħriġ intensiv kemm
akkademiku kif ukoll prattiku li jindirizza dak li se jiltaqgħu miegħu
waqt id-doveri tagħhom. Fost l-oħrajn dan kien jinkludi
il-preżentazzjoni ta’ evidenza fil-Qorti, trattament lill-vittmi ta’
reati, ġestjoni ta’ xeni ta’ reat, l-użu ta’ arma tan-nar u oqsma bħal
vjolenza domestika, traffikar tad-drogi, reati diġitali u ekonomiċi.
Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1081776681938516/
Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1081776681938516/
Wednesday, 19 October 2016
Iffirmat MOU bejn l-MPA u l-POU
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Il-bieraħ, it-Tlieta, 18 t’ Ottubru 2016, ġie ffirmat Memorandum ta’
Ftehim (MOU) bejn l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) u l-Police
Officers Union (POU) bl-għan illi jibdew jaħdmu id f’id fi kwistjonijiet ta’
nteress komuni.
Wara laqgħat li saru bejn iż-żewġ unjins, dawn qablu li l-aħjar triq
tkun dik li fejn jidħol negozjar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Pulizija,
huma għandhom jaġixxu kollettivament.
Dan huwa neċessarju sabiex jiġi assigurat li jinkisbu l-aħjar
kundizzjonijiet għall-membri kollha tal-Korp u tittieħed kunsiderazzjoni
tal-interessi ta’ kulħadd.
Dan l-MOU ġie ffirmat ġewwa l-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija,
s-Sur Laurence Cutajar, fil-preżenza tiegħu u tal-Assistent Kummissarju s-Sur Carmelo Magri. Il-Kummissarju Cutajar wera l-apprezzament
tiegħu lejn il-ħidma taż-żewġ unjins u spjega li dan huwa pass kbir ‘il quddiem
għall-ġid komuni.
Għalekk, fil-ġranet li ġejjin, l-MPA u l-POU, flimkien ser ikunu qed
jagħmlu talba lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, l-Onorevoli
Carmelo Abela, sabiex jibda l-proċess għan-negozjar ta’ ftehim settorjali ġdid
li jindirizza ir-realtajiet pekuljari tal-Korp tal-Pulizija.
Tuesday, 18 October 2016
BAĠIT 2017 - Ser jibdew jiġu ndirizzati inġustizzji tal-passat, fosthom kumpens adegwat lill-Pulizija għas-sigħat żejda maħduma bejn l-1993 u l-2009
Fil-baġit intqal li l-Gvern jinsab
konxju li fil-passat inħolqu anomaliji li għal ħafna nies baqgħu
jinħassu bħala inġustizzji: eks ħaddiema tal-korpi
tas-snin sebgħin, eks impjegati tal-Malta Electricity Bord, l-overtime tal-Puliżija, eks ħaddiema tax-xatt u oħrajn.
Dan
il-baġit se jalloka €8 miljuni għas-sena 2017 għat-twaqqif ta' fond li
minnu se nkunu qed isiru l-ewwel ħlasijiet lil dawn il-persuni.
Il-ħsieb hu li jitwaqqaf bord li jkollu l-inkarigu li jamministra
dan il-fond u li wara li jagħmel il-konsultazzjonijiet meħtieġa, ifassal
mekkaniżmu u proċeduri ġusti dwar kif għandhom jiġu trattati dawn
il-każijiet u jsiru l-ħlasijiet b'mod trasparenti u kontabbli fuq medda
ta' snin.
Il-POU
GWU tifhem li hemm diversi ħaddiema oħra li għaddew minn inġustizzji
simili ta' dak li għaddew minnu l-membri tal-Korp tal-Pulizija
fil-passat u għaldaqstant taċċetta l-fatt li l-kumpens adegwat imwiegħed
irid jingħata fuq medda ta' snin raġjonevoli. Il-POU GWU lesta biex
tipparteċipa fil-konsultazzjoni f'dan il-bord imsemmi aktar kmieni u
minn hemm tiġi mfassla t-triq 'il quddiem biex tali kumpens jibda
jitqassam lill-Pulizija konċernati fl-2017.
Il-POU GWU sodifatta li ġew allokati l-ewwel €8 miljuni sabiex jibdew jiġi ndirizzati dawn l-inġustizzji li ilhom pendenti snin sħaħ. Min-naħa l-oħra l-unjin mhux sodisfatta għall-fatt li l-proposta tagħha biex il-membri tal-Korp tal-Pulizija kollha jkollhom is-46 siegħa xogħol fil-ġimgħa riflessa fil-paga ma ssemmitx f'dan il-baġit. Il-POU GWU ser tibqa' tistinka fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin biex tali proposta tiġi implimentata, għax temmen li fil-preżent il-membri tal-Korp huma żvantaġġati meta kkomparat mal-kumplament mal-membri taċ-ċivil tal-istess skala tagħhom.
Il-POU GWU sodifatta li ġew allokati l-ewwel €8 miljuni sabiex jibdew jiġi ndirizzati dawn l-inġustizzji li ilhom pendenti snin sħaħ. Min-naħa l-oħra l-unjin mhux sodisfatta għall-fatt li l-proposta tagħha biex il-membri tal-Korp tal-Pulizija kollha jkollhom is-46 siegħa xogħol fil-ġimgħa riflessa fil-paga ma ssemmitx f'dan il-baġit. Il-POU GWU ser tibqa' tistinka fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin biex tali proposta tiġi implimentata, għax temmen li fil-preżent il-membri tal-Korp huma żvantaġġati meta kkomparat mal-kumplament mal-membri taċ-ċivil tal-istess skala tagħhom.
Monday, 10 October 2016
Il-POU GWU titlob rimedju lill-'Police Board' minħabba li l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija naqset li tinforma dwar it-tieni sejħa tal-'Grievances Unit'
![]() |
Chairman tal-Police Board - L-Imħallef irtirat Dr Franco Depasquale
|
F’Mejju li għadda tħabbar
li għaxar membri tal-Korp tal-Pulizija ngħataw promozzjoni wara li l-każ
tagħhom instema’ quddiem il-grievances
unit. Immedjatament wara li ngħataw
dawn il-promozzjonijiet il-POU GWU kellha ammont konsiderevoli ta’ lmenti, minn
diversi membri tal-Korp tal-Pulizija f’kull rank, li ma kinux innotifikati li
kien hemm dan il-grievances unit appuntat. Għaldaqstant dawn ma
setgħux iressqu l-każ tagħhom li allegatament sofrew xi inġustizzja jew diskriminazzjoni
fil-grievances unit li kien imwaqqaf.
Fl-2014 il-gvern kien
waqqaf il-grievances unit għall-ħaddiema kollha taċ-ċivil u fi Frar 2014 l-amministrazzjoni tal-Korp
ħarġet ċirkulari sabiex tinforma lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li ġie
mwaqqaf dan il-unit. F’Marzu 2014 ħarġet ċirkulari oħra fejn infurmat
lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li ż-żmien sabiex kull membru jressaq il-każ
tiegħu kien ġie estiż. Diversi membri tal-Korp qalulna li dawn iċ-ċirkularijiet
ma jaslux fis-sezzjoni tagħhom jew meta jaslu, jaslu tard, xi ħaġa li hija
magħrufa f’diversi postijiet tax-xogħol.
L-ilment li ħaddiema ma kinux
notifikati bil-grievances unit ma kinitx biss fil-Korp
tal-Pulizija, iżda kienet mifruxa ma’ diversi dipartimenti oħra fiċ-Ċivil.
Fil-fatt f’Settembru 2014 permezz ta’ ċirkulari maħruġa mill-uffiċċju tal-Prim
Ministru ħarġet ‘It-tieni sejħa għal talbiet biex jiġu mistħarrġa mill-Grievances Unit’. Din iċ-ċirkulari kien ħariġha s-Segretarju Permanenti
Ewlieni s-Sur Mario Cutajar u fl-aħħar kiteb ċar li ‘Huwa importanti illi din
iċ-Ċirkulari tinġieb għall-attenzjoni tal-impjegati pubbliċi kollha.’
Minkejja l-importanza li ta
s-Segretarju Permanenti Ewlieni sabiex din iċ-ċirkulari tinġieb
għall-attenzjoni tal-impjegati kollha taċ-Ċivil, l-amministrazzjoni tal-Korp
tal-Pulizija naqset li tagħmel dan. Kawża ta’ dan in-nuqqas seħħet inġustizzja
oħra fuq diversi membri tal-Korp li ma kellhomx l-opportunità li jressqu l-każ
tagħhom quddiem il-grievances unit.
In-nuqqas tal-amministrazzjoni
tal-Korp effettwa kull membru fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Għaldaqstant il-POU
GWU għamlet laqgħa mal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali sabiex
tispjega dan in-nuqqas u talbet li tingħata opportunità lil dawk kollha li
setgħu kienu affettwati minn dan in-nuqqas sabiex iressqu l-każ tagħhom. Ma
kien hemm ebda żvilupp pożittiv fil-kwistjoni u l-unjin talbet lill-Police Board sabiex jistħarreġ in-nuqqas tal-amministrazzjoni tal-Korp meta
ma ħabbarx il-proċedura tal-grievances
unit, kif ukoll jagħti r-rimedju li
jidhirlu xieraq sabiex jissewwa dan l-iżball.
Il-POU GWU ippreżentat
id-dokumenti kollha neċessarji sabiex tissostanzja dak li qed tgħid u se tkun
għad-dispożizzjoni tal-bord biex tressaq l-argumenti tagħha. F’dan il-każ
l-unjin ħasset li għandha tagħmel l-ilment tagħha kollettivament għax temmen li
dan in-nuqqas seta’ effettwa lil kulħadd, indipendentement jekk persuna hux membru fi trejd
unjin jew le. Meta kien twaqqaf il-grievances
unit ma kinitx għadha għaddiet
il-liġi li l-membri tal-Korp setgħu jidħlu fi trejd unjin tal-għażla tagħhom u
għaldaqstant l-unjin ma kellhiex l-opportunità tkun hi wkoll li tinnotifika
lill-membri tagħha.
Il-Police Board huwa magħmul
minn ħames membri li ħadd minnhom mhu Pulizija u huwa mmexxi mill-Imħallef irtirat Dr Franco Depasquale. Il-POU GWU ġiet innotifikata
mis-Segretarju tal-Police Board li l-ilment tagħha wasal u ser
jiġi mistħarreġ fil-ġimgħat li ġejjin.
Wednesday, 5 October 2016
Iċċelebrat it-73 anniversarju tal-GWU
Illum il-5 ta’ Ottubru huwa l-anniversarju tal-GWU, it-73 anniversarju mit-twaqqif tagħha fl-1943.
Tul l-istorja tagħha l-GWU kienet protagonista ewlenija fil-moviment
trejdunjonistiku biex introduċiet kunċetti ġodda u tejbet
il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Għal din l-okkażjoni saret ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri mal-mafkar tal-ħaddiem fl-Imsida.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, qal
li llum iż-żminijiet qed jitolbu minnha li mill-ġdid inressqu proposti
li jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u jnaqqsu r-riskju li
ħafna familji jistgħu jispiċċaw f’riskju ta’ faqar.
Huwa qal li ghalhekk mill-ġdid, il-GWU ttenni li wasal iż-żmien li pajjiżna jistudja u jikkunsidra l-introduzzjoni tal-living wage,
li kontinwament tkun aġġustata biex verament il-ħaddiema tagħna u
l-familji tagħhom ikollhom l-opportunità li jghixu aħjar u jgawdu
mill-benefiċċji li toffri s-soċjetà u l-ekonomija tas-Seklu 21, lil hinn
mill-periklu li jispiċċaw fil-faqar.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li ''nemmnu li din il-proposta għandha ssib l-appoġġ tal-forzi soċjali kollha f’pajjiżna''.
Monday, 3 October 2016
'Body-Cams' inaqqsu l-ilmenti kontra l-Pulizija
Studju li kien ikkummisjonat mill-Università ta’ Cambridge juri li body-cams fuq il-pulizija qed inaqqsu b’mod drammatiku l-għadd ta’ lmenti kontra uffiċċjali tal-Pulizija.
Mill-istudju ħareġ b’mod ċar li l-ilmenti minn membri
tal-pubbliku kontra uffiċċjali tal-Pulizija naqsu b’93% fuq perjodu ta’
12-il xahar meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Għal dan il-proġett kienu segwiti madwar 2,000 uffiċċjal
tal-Pulizija minn erba’ forzi tas-sigurtà fir-Renju Unit u żewġ
Dipartimenti tal-Pulizija tal-Istati Uniti.
L-istudju kien intiż li jsir jaf jekk l-użu tal-body-cams, li jkunu mwaħħlin mal-parti ta’ fuq tal-uniformi, jaffettwawx l-ilmenti li jsiru mill-pubbliku kontra l-Pulizija.
Dr Barak Ariel mill-Istitut tal-Kriminoloġija f’Cambridge
spjega li r-riżultati urew li kemm il-pulizija kif ukoll il-pubbliku
kienu qed jirranġaw l-imġiba tagħhom.
“Meta l-pubbliku jkun konxju li qed jiġu rrekordjati, bla
dubju ta’ xejn ibiddlu l-imġiba tagħhom minħabba li ma jkunux iridu
jidħlu fi problemi,” stqarr Dr Ariel.
L-Assistent Kap Kuntistabbli Simon Megicks, mid-Distrett
ta’ Hertfordshire u li kien involut f’dan l-istudju, irrimarka li kien
hemm numru ta’ fatturi li wasslu għal dan it-tnaqqis fl-ilmenti.
Fost dawn kien hemm id-disponibbilità tal-filmati li jgħin
b’mod partikolari lill-Pulizija f’każi relatati ma’ vjolenza domestika
fejn ħafna drabi l-vittma jsibuha bi tqila biex jikkoperaw.
Minbarra hekk, riċerka li saret f’Mejju li għadda wriet li
r-rata ta’ attakki kontra uffiċjali tal-Pulizija fi tmien forzi
tas-sigurtà kien 15% inqas meta l-body-cams ntużaw mill-Pulizija.
Dwar dan l-istħarriġ ħadna l-kummenti tal-President tal-POU-GWU Sandro Camilleri. Huwa jisħaq li l-body-cams huma importanti ħafna għaż-żminijiet tal-lum.
“Il-body-cam isservi ta’ deterrent għax tikxef jekk isirx xi att jew xi aggressjoni fuq il-Pulizija. Qed ikollna naslu għall-body-cams għax il-Pulizija mhijiex qed tiġi emmnuta u għax ġejna pupazzi,” sostna l-Preident tal-POU-GWU.
Huwa enfasizza wkoll fuq il-bżonn ta’ body-cams għall-Pulizija f’postijiet ta’ divertiment fosthom f’Paceville.
Link tal-filmat fuq Facebook. Agħfas hawn taħt:
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1065289356920582/
https://www.facebook.com/797912446991609/videos/1065289356920582/
Subscribe to:
Posts (Atom)